Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, ħabbru l-proġett tal-istadium il-ġdid tal-Malta Premier.
Din hi inizjattiva li tkompli tibni fuq l-investiment li sar mill-Gvern fl-aħħar snin fl-infrastruttura sportiva. Fil-preżenza tat-tmexxija tal-Malta Premier, kif ukoll il-Presidenti tal-klabbs li jipparteċipaw f’dan il-kampjonat kien spjegat li l-appoġġ għal dan il-proġett huwa parti minn viżjoni usa’ tal-Gvern biex ikompli jinvesti f’infrastruttura sportiva moderna u sostenibbli.

Dan għax il-Gvern jirrikonoxxi li l-isport għandu rwol importanti mhux biss fil-kompetizzjoni, iżda wkoll fis-soċjetà, speċjalment fost iż-żgħażagħ.
L-istadium mhuwiex biss bini, iżda spazju fejn jinġabru n-nies u fejn jitħaddnu valuri bħad-dixxiplina, l-għaqda u l-fair play. Esperjenza aħjar għall-pubbliku hija kruċjali biex aktar nies jersqu lejn il-futbol lokali, u li infrastruttura moderna tista’ tagħmel differenza konkreta fil-mod kif il-logħba tiġi segwita u apprezzata.

Tenna wkoll li l-għan hu li jinħoloq ambjent fejn il-familji jħossuhom komdi jattendu u fejn il-futbol jkun esperjenza soċjali li tgħaqqad lin-nies. Kien f’dan il-kuntest li l-Ministru Camilleri spjega li, fejn applikabbli, proġetti ta’ dan it-tip jistgħu jkunu appoġġjati wkoll permezz tal-qafas taċ-ċittadinanza bil-mertu.
Dan bil-għan li jkunu attirati kontribuzzjonijiet eċċezzjonali li jkomplu jsaħħu u jappoġġjaw is-setturi strateġiċi tal-pajjiż. Fakkar kif mhux l-ewwel darba li l-qafas taċ-ċittadinanza bil-mertu kkontribwixxa lejn is-settur sportiv.
L-istadium il-ġdid huwa maħsub biex jilqa’ mhux biss logħob tal-ogħla livell lokali, iżda wkoll biex jilħaq standards meħtieġa għal kompetizzjonijiet internazzjonali, kif rikjesti mill-UEFA, filwaqt li jagħti lill-futbol Malti l-faċilitajiet li tassew jixraqlu.
L-istess kumpless sportiv ma huwiex limitat biss għall-futbol, iżda huwa ppjanat bħala spazju multifunzjonali li jista’ jilqa’ fih sports oħra, fosthom ir-rugby, u attivitajiet sportivi differenti, biex b’hekk jintuża b’mod aktar wiesa’ mill-komunità.

Il-Ministru Grima sostna li dan l-istadium ġdid se jkun faċilità moderna u sostenibbli li jkompli jagħti aktar opportunitajiet lill-klabbs, lill-komunitajiet u fuq kollox liż-żgħażagħ tagħna.
Huwa investiment li jkompli jsaħħaħ il-qasam sportiv f’pajjiżna, filwaqt li jagħraf ukoll il-valur importanti li l-isport għandu fis-soċjetà tagħna.
Dan il-proġett jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-isport bħala pilastru importanti tas-soċjetà, b’viżjoni ċara li tgħaqqad infrastruttura aħjar ma’ aktar opportunitajiet u parteċipazzjoni.
Huwa pass ieħor lejn futur fejn l-esperjenza tal-football tkun aktar moderna, aċċessibbli u ta’ kwalità għal kulħadd.
