Għadu kif tħabbar li minħabba l-maltemp li mistenni jkompli jippersisti fis-sigħat li ġejjin, il-mixja li kienet se sseħħ matul dan il-lejl li ġej bil-għan li jinġabru l-fondi b’risq Puttinu Cares, se tkun qiegħda tiġi kkanċellata.
Fi stqarrija li ttellgħet fuq il-midja soċjali, din id-deċiżjoni ġiet deskritta bħala waħda diffiċli ferm bl-organizzaturi jfissru kif ittieħdet fl-isfond ta’ twissijiet li nħarġu mill-bassara tat-temp li l-ħalbiet tax-xita jaf saħansitra jkunu mżewqa bis-silġ.
L-organizatturi temmew l-istqarrija tagħhom ifakkru li filwaqt li l-mixja ġiet posposta, madankollu, sfortunatament il-mard serju li qed jaffaċjaw bosta ma jistax jiġi pospost u għaldaqstant ħeġġew lill-pubbliku sabiex ma jonqosx mill-ġenerożità tiegħu lejn Puttinu Cares.
Din l-aħbar ġiet ikkonfermata wkoll fuq il-paġna soċjali ta’ Puttinu Cares. L-għaqda filantropika ċċarat li filwaqt li l-mixja se jkollha tiġi kkanċellata minħabba t-temp xitwi, madankollu, il-maratona ġbir ta’ fondi se tkun qiegħda sseħħ xorta waħda għada.
Facebook / Mixja l-Ġimgħa l-Kbira 2026