“Kienet Is-Sena 1968, Meta Saret L-Istatwa Oriġinali U Unika F’Għawdex, Dik Ta’ L-Aħħar Ċena Ta’ Ġesu Mal-Appostli” – Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija Żebbuġ Għawdex

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija Żebbuġ Għawdex tkellmu dwar l-istorja tal-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żebbuġ Għawdex.

Qalu, “Fis-sena 1919, ġiet organizzata għal ewwel darba l-Purċissjoni tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu mill-Parroċċa taż-Żebbuġ, fi żmien il-Wisq Rev. Kappillan Dun Anton Grima. Fis-snin tletinijiet, meta ingħata bidu għal-proġett tat-tkabbir tal-Knisja, l-istatwi ġratilhom ħsara irreparabbli [minħabba nuqqas ta’ spazju fejn jinżammu] u għalhekk il-purċissjoni sfortunatament ma baqgħetx issir. Mill-istatwi tas-sett l-antik baqgħu biss dik ta’ Ġesu Nkurunat bix-xewk, dik ta’ Maria Addolorata, il-Kurċifiss u dik ta’ Ġesu mejjet.”

Żiedu, “Is-Sena 1965 kella tkun is-sena meta l-Parroċċa kellha tibda tara mill-ġdid din il-purċissjoni bl-erba’ statwi li kienu għadhom jeżistu. Dan bit-tħabrik tal-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Alwiġ Vella. Fis-sena 1966 saru 6 statwi ġodda, dik ta’ Ġesu fl-Ort tal-Ġetsemani, dik ta’ Ġesu marbut mal-Kolonna, dik ta’ Ġesu mgħobbi bis-Salib, il-Veronika u l-istatwi ta’ San Ġwann u Marija għall-ma’ ġenb Ġesu Kurċifiss. Fil-1967, saret ukoll l-istatwa ta’ Marija Madalena għal mal-Vara l-Kbira.”

Komplew, “Kienet is-sena 1968, meta saret l-istatwa oriġinali u unika f’Għawdex, dik ta’ l-Aħħar Ċena ta’ Ġesu ma’ l-Appostli. B’hekk is-sett ta’ l-istatwi f’din il-purċissjoni ħarġu mill-idejn ta’ l-istess statwarju, l-magħruf Kav. Agostino Camilleri. Fis-Sena 1997, bit-tħabrik tal-Arċipriet il-Kan. Dun Noel Saliba, l-istatwi kollha tal-Purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa tlibsu ħwejjeġ tan-newl lokali, ħaġa li tkompli tagħmel din il-purċissjoni unika fil-gżejjer Maltin.”

Qalu wkoll, “Fis-sena 1999, il-Banda Santa Marija esegwixxiet għal-ewwel darba servizz b’marċi funebri fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa Kbira. Fis-sena 2001, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ħarget wkoll l-ewwel recording ta’ Marċi Funebri bl-isem ‘Golgota’ Bejn is-snin 2006 u 2018, il-purċissjoni ġiet imkabbra b’għadd ta’ persunaġġi u vestwarju ġdid bit-tħabrik tal-Arċipriet Ruben Micallef. Matul is-snin saru diversi nterventi ta restawr, dawk l-aktar riċenti kienu bejn is-snin 2019 u 2025 fuq il-vari taċ-Ċena, Marbut mal-Kolonna, Ecce Homo, ir-Redentur, id-Duluri, il-Vara l-Kbira u l-Mejjet bit-tħabrik tal-Arċipriet Kan. Ġwann Sultana. fis-snin 2020 u 2021 sfortunatament din il-Purċissjoni ma’ setgħetx issir minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mall-mixija tal-COVID-19.”

Temmew jgħidu, “U din is-sena 2026…dak li beda 107 sena ilu jitkompla llejla fis-18:00 (dejjem jekk it-temp jippermetti) minn ġewwa l-Pjazza l-Assunta, bis-sehem tal-Banda Santa Marija.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI