Inawgurat Uffiċjalment Ċentru Ġdid Tas-Servizzi Għat-Tfal, L-Adolexxenti U Ż-Żgħażagħ (CAYS) F’Birkirkara

Inawgurat uffiċjalment ċentru ġdid f’Birkirkara ddedikat għas-servizzi tat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, magħruf bħala CAYS.

Dan iċ-ċentru modern jiġbor taħt saqaf wieħed firxa estensiva ta’ servizzi speċjalizzati, u jintegra flimkien żewġ entitajiet li sa issa kienu joperaw separatament – il-Child Development Assessment Unit (CDAU) u l-Child and Young People’s Services (CYPS). Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn is-servizzi, u b’hekk il-familji jistgħu jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli, effiċjenti u komprensiv.

Iċ-ċentru joffri kura ħolistika li tindirizza kemm l-aspetti fiżiċi kif ukoll dawk tas-saħħa mentali. Fost is-servizzi disponibbli hemm in-neurodevelopmental paediatrics, community paediatrics, child and adolescent psychiatry, psychology u psychotherapy, flimkien ma’ servizzi oħra speċjalizzati bħal audiology, ophthalmology, dietetics, speech and language therapy, occupational therapy u physiotherapy.



Barra minn hekk, CAYS jinkludi tim multidixxiplinari ta’ professjonisti, fosthom tobba, infermiera fil-qasam tas-saħħa fiżika u mentali, social workers, terapisti u ħaddiema speċjalizzati oħra li jaħdmu flimkien biex jipprovdu appoġġ lill-pazjenti. Il-faċilità hija mgħammra wkoll b’diversi spazji mfassla biex itejbu l-esperjenza tal-utenti, bħal quiet room, breastfeeding room u ambjenti oħra adattati għall-bżonnijiet tat-tfal u tal-familji tagħhom.



Dan l-investiment jallinja ruħu mal-Viżjoni Malta 2050, li tiffoka fuq it-tisħiħ ta’ servizzi tas-saħħa moderni u aċċessibbli. Il-viżjoni tenfasizza l-importanza ta’ kura ta’ kwalità għolja, intervent bikri, prevenzjoni, l-użu ta’ teknoloġija avvanzata u tisħiħ tas-servizzi fil-komunità, biex jiġi żgurat li l-pazjent u l-familja tiegħu jirċievu l-aħjar kura possibbli.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI