Din L-Art Ħelwa Għawdex Tappoġġa S-Sejħa Biex Noma Island Titneħħa Minn Ħdejn Kemmuna

Noma Island

Din l-Art Ħelwa Għawdex tesprimi l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem fis-sejħa tiegħu biex Noma Island titneħħa minnufih minn ħdejn Kemmuna.

Ir-ritratt mehmuż, meħud ilbieraħ filgħaxija (b’esposizzjoni fotografika ta’ 30 sekonda) diġà juri livell għal kollox inaċċettabbli ta’ tniġġis bid-dawl li qed jaqa’ fuq Kemmuna, minkejja li dak il-ħin ma kien qed isir ebda festin abbord.

Dan waħdu huwa ta’ tħassib serju. Wieħed jista’ biss jimmaġina kemm se jiżdied d-dawl qawwi, u l-ħsejjes meta jibdew isiru l-festini u tindaqq il-mużika abbord.

Dan huwa aktar serju meta wieħed iqis li Kemmuna tifforma parti minn sit Natura 2000 u tinkludi wkoll Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni.

Dan it-tip ta’ attività huwa għal kollox inkompatibbli mal-protezzjoni mistħoqqa lil wieħed mill-aktar ambjenti naturali sensittivi fil-gżejjer Maltin.

Din l-Art Ħelwa Għawdex tinnota wkoll it-tħassib espress minn BirdLife Malta dwar l-effett tad-dawl artifiċjali, tal-istorbju u l-effetti fuq l-għasafar tal-baħar u fuq l-ambjent marittimu tal madwar.

Is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli. L-awtoritajiet għandhom jaġixxu minnufih u jiżguraw li Noma Island titneħħa bla aktar dewmien.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI