Il-Bank of Valletta esprima s-sodisfazzjon tiegħu li seta’ jappoġġja lil Ġemma fl-iżvilupp tal-App RetireSmart, li ġiet imnedija reċentement mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Din l-għodda innovattiva għall-ippjanar tal-irtirar tgħin lill-individwi jikkalkulaw il-pensjoni statali li jistgħu jistennew, filwaqt li tindirizza wkoll kwalunkwe nuqqas fid-dħul meta jaslu għall-età tal-irtirar.
Meta kien qed jitkellem dwar din l-inizjattiva, li hija appoġġjata wkoll minn Mapfre MSV Life, Dr Gordon Cordina, fil-kariga tiegħu ta’ Chairperson tal-BOV u ta’ Mapfre MSV Life, enfasizza kemm hu kruċjali l-ippjanar finanzjarju f’Malta, speċjalment fid-dawl ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ.
Huwa spjega li s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet għall-ġenerazzjonijiet futuri tiddependi fuq kemm il-pajjiż jindirizza minn issa l-isfidi preżenti u dawk li ġejjin, sabiex jittieħdu miżuri proattivi li jiżguraw dħul adegwat waqt il-perjodu tal-irtirar.
Dr Cordina żied jgħid, “RetireSmart hija għodda essenzjali mhux biss għall-ippjanar iżda wkoll biex tinkoraġġixxi azzjoni konkreta. Tgħin lin-nies ikunu aktar infurmati u jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom għall-ġid finanzjarju fit-tul. It-tnedija tagħha hija biss il-bidu, hekk kif hemm spazju għal aktar żviluppi li jistgħu joffru servizzi addizzjonali u jkomplu jsaħħu s-sistema tal-pensjonijiet f’Malta.”
Min-naħa tiegħu, Simon Azzopardi, BOV Chief Personal and Wealth Officer, saħaq fuq kemm hu importanti li wieħed jibda jippjana minn kmieni. Huwa qal li fil-Bank of Valletta jemmnu bis-sħiħ li l-edukazzjoni finanzjarja hija fundamentali għall-istabbiltà fit-tul.
“L-iffrankar għall-pensjoni huwa wieħed mill-aktar investimenti importanti li wieħed jista’ jagħmel, u permezz ta’ inizjattivi bħal din, flimkien ma’ Ġemma u msieħba oħra, nibqgħu impenjati li nagħtu lin-nies l-għarfien u l-għodod meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-futur finanzjarju tagħhom.”
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Bank biex isaħħaħ l-edukazzjoni finanzjarja f’Malta. Fost l-isforzi li qed isiru hemm kampanji ta’ tagħrif, kollaborazzjonijiet mal-komunità, u l-iżvilupp ta’ għodod bħall-App RetireSmart, kollha mmirati biex jgħinu lill-pubbliku jikseb aktar kontroll u flessibbiltà finanzjarja.
Barra minn hekk, iċ-Ċentri tal-Benesseri Finanzjarju tal-Bank fil-Floriana u f’Ta’ Sannat, flimkien mal-ħames Ċentri tal-Investiment madwar Malta u Għawdex, qed joffru appoġġ kontinwu lil dawk li jixtiequ jippjanaw u jinvestu fil-futur tagħhom.