Bħalissa qiegħed jixxandar id-dokumentarju li l-preżentatur ta’ Popolin Quinton Scerri għamel dwar persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Fost dawk li tkellmu ma’ Quinton kien hemm Pawlu; raġel li fil-passat, għal xi żmien wara li ħareġ mill-ħabs, ma kellux saqaf fuq rasu. Illum il-ġurnata, Pawlu reġa’ ġie fuq saqajh u b’mod regolari jgħin persuni li jinsabu fil-qagħda li kien fiha hu xi darba.
Pawlu jibda billi jirrakkonta l-esperjenza personali tiegħu ta’ kif sab ruħu mingħajr saqaf fuq rasu. Jispjega li hu twieled f’familja ta’ negozjanti u jistqarr li meta kien għadu tifel ma rax ħlief imħabba mingħand il-ġenituri tiegħu.
Hu jfisser kif madankollu, meta kien għadu tifel, ma kienx jirrikonoxxi l-ġesti li kienu jagħmlu miegħu l-ġenituri bħala turija ta’ mħabba u minħabba f’hekk kiber jirribella kontrihom.
Fost oħrajn hu jirrakkonta l-mument meta l-ġenituri tiegħu daħluh fi skola privata għall-ġid akkademiku tiegħu. Isemmi kif f’din l-iskola kien jorqod lejl u nhar, u jistqarr li dan għalih kien att ta’ abbandun mill-ġenituri, anke jekk stess dan ma kienx il-każ.
Pawlu jsemmi kif b’riżultat ta’ dan sab ruħu f’diversi ċirkostanzi mhux mixtieqa, b’waħda minnhom tkun li sab ruħu vittma tal-vizzju tad-droga.
Ma’ Quinton, Pawlu jkompli jitkellem dwar persuni li jinsabu f’din il-qagħda prekarja u jirrakkonta kif fil-ħidma tiegħu jiltaqa’ wkoll ma’ persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom iżda jirrifjuttaw li jiddaħħlu f’xi xelter għall-kenn għaliex jemmnu li dan se jwassalhom sabiex “jitilfu l-libertà tagħhom”.
Facebook / Popolin