Caritas Malta bi pjaċir tħabbar li rċeviet id-donazzjoni ta’ €19,097 bħala dividendi mingħand PG
Group, li tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni pożittiva bejn iż-żewġ entitajiet.
Dan id-dħul jirriżulta minn ishma li ġew mogħtija b’ġenerożità lil Caritas Malta mill-fundatur tal-Grupp, is-Sur Paul Gauci madwar sitt snin ilu.
Din il-kontribuzzjoni tixhed impenn sod lejn il-ġid komuni u r-responsabbiltà soċjali min-naħa tas-Sur
Gauci u l-familja tiegħu.

Minn meta sar dan il-ġest, Caritas Malta bdiet tirċievi dividendi fuq bażi regolari darbtejn fis-sena, li jservu bħala sapport finanzjarju biex tkompli bil-ħidma tagħha favur dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Dan l-appoġġ kontinwu jagħti lil Caritas Malta l-possibbiltà li tippjana b’aktar ċertezza l-inizjattivi u
ssaħħaħ l-impatt tal-ħidma tagħha.
Il-ġenerożità u l-viżjoni tas-Sur Gauci jibqgħu ta’ ispirazzjoni u jippermettu lil Caritas Malta tilħaq aktar nies li jinsabu f’diffikultà.
Id-dividendi li tirċievi Caritas, jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-operat u jgħinu biex ikomplu jissaħħu u jespandu s-servizzi offruti lil persuni li qed jiffaċċjaw faqar, kriżijiet soċjali u sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, inklużi dawk bla dar jew li jgħixu f’iżolament.

Caritas Malta tesprimi r-ringrazzjament sinċier tagħha lis-Sur Paul Gauci, lill-familja tiegħu u lill-PG
Group għall-appoġġ kontinwu u sinifikanti tagħhom.
Din is-sħubija hija eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn is-settur kummerċjali u dak soċjali tista’ toħloq impatt pożittiv fil-komunità.
Caritas Malta tibqa’ determinata li tkompli sservi bħala sors ta’ tama u għajnuna għal min hu fil
bżonn speċjalment dawk l-aktar vulnerabbi, filwaqt li tkompli tibni fuq relazzjonijiet ta’ fiduċja li
jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies.