Twissija Mill-Protezzjoni Ċivili: Oqogħdu Attenti Għar-Riskju Ta’ Nirien F’Dawn It-Temperaturi Għoljin

Il-Protezzjoni Ċivili ta' Malta qed tappella lill-pubbliku biex joqgħod attent ħafna waqt il-mewġa ta' sħana li qed tolqot il-pajjiż, hekk kif it-temperaturi għoljin qed iżidu b'mod sinifikanti r-riskju ta' nirien fil-kampanja u f'żoni mimlija ħaxix niexef.

Fi stqarrija, is-CPD spjegat li fl-aħħar jiem il-ħaddiema tagħha kellhom jintervjenu f'diversi nirien fuq barra, filwaqt li fakkret li wara kull nar hemm pompieri li qed jaħdmu f'kundizzjonijiet estremament diffiċli biex jipproteġu l-ħajja tan-nies, il-proprjetà u l-ambjent naturali.

Il-Protezzjoni Ċivili qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu xi prekawzjonijiet sempliċi iżda importanti, fosthom li qatt ma jintremew ponot tas-sigaretti fit-triq jew minn vetturi, li ma jitħallewx fliexken tal-ħġieġ jew skart fil-kampanja, u li ma jinxtegħlux nirien jew jinħaraq skart fil-ġonna, hekk kif anke fjamma żgħira tista' tinfirex malajr.

Appell sar ukoll lis-sidien ta' għelieqi biex, fejn possibbli, ineħħu b'mod sigur il-ħaxix niexef u l-veġetazzjoni żejda, filwaqt li s-sewwieqa huma mħeġġa jevitaw li jipparkjaw fuq ħaxix niexef, peress li s-sħana tal-exhaust jew tal-catalytic converter tista' tqabbad in-nar.

Is-CPD fakkret ukoll li kull min jinnota duħħan jew nar għandu jċempel immedjatament fuq 112 u, jekk ikun sigur li jagħmel dan, jipprovdi l-post eżatt tal-inċident. "Ejjew ilkoll nagħmlu l-parti tagħna biex inżommu lil Malta sigura," temmet tgħid il-Protezzjoni Ċivili.

Ritratti:

Facebook / Civil Protection Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI