Jum Internazzjonali taċ-Ċikkulata, iċċelebrat kull sena fit-13 ta’ Settembru, huwa jum li jġib ferħ lil min iħobb din id-deżerta delizzjuża madwar id-dinja.
Din il-ġurnata hija ċelebrazzjoni tal-istorja taċ-ċikkulata, li bdiet eluf ta’ snin ilu fil-kulturi pre-Kolombjani tal-Amerika t’Isfel u llum saret waħda mill-aktar ikel popolari u għeżież fid-dinja, inkluż fil-pajjiż ċkejken tagħna.
Iċ-ċikkulata tiġi f’ħafna forom u togħmiet, iżda l-mistoqsija ewlenija tibqa', tippreferi ċikkulata s-skura, bajda jew dik tipika tal-ħalib?
Għal min iħobb it-togħma ħelwa u kremuża, iċ-ċikkulata tal-ħalib hija l-għażla ideali. Iċ-ċikkulata bajda hija aktar ħelwa u rikka, perfetta għal dawk li jfittxu ħlewwa pura.
Għall-avventurużi, ċikkulata skura b’persentaġġ għoli ta’ kakaw toffri togħma aktar qawwija u profonda, bil-benefiċċji għas-saħħa marbuta mal-kontenut għoli ta’ antiossidanti.
M’hemmx dubju li kulħadd għandu ċ-ċikkulata favorita tiegħu. Hemm min iħobbha bil-frott ġo fiha, min iħobbha bil-lewż u min iħobb kull tip ta' ċikkulata li tiġi taħt idejh.
Il-Jum Internazzjonali taċ-Ċikkulata huwa ċ-ċans perfett biex tgawdi ċ-ċikkulata favorita tiegħek, jew biex tiskopri togħma ġdida li tista’ ssir il-preferita tiegħek!
Liema tippreferi int?