Qed Tfittex Għal Xi Ħaġa Differenti X’Tagħmel F’Dan il-Halloween?

Jekk qed tfittex xi ħaġa differenti x’tagħmel għal Halloween, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed torganizza attività speċjali bl-isem ta’ Bat Night, li se ssir is-Sibt 31 ta’ Ottubru, fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina.

Din l-attività, li se ssir bejn is-18:30 u t-22:00, se toffri opportunità mill-isbaħ lill-familji biex jiskopru aktar dwar l-ispeċi differenti ta’ friefet il-lejl li nsibu f’Malta u r-rwol importanti li għandhom fl-ambjent naturali tagħna.

Matul l-avveniment se jkun hemm diversi attivitajiet divertenti u edukattivi għal kull età, fosthom żona ddedikata għall-arti u l-artiġjanat għat-tfal, tpinġija fuq l-uċuħ u spazju apposta għar-ritratti, ispirati mill-friefet il-lejl u Halloween. Se jkun hemm ukoll esperti li jaqsmu tagħrif interessanti dwar il-friefet il-lejl, flimkien ma’ stands informattivi mill-ERA, Heritage Malta u Nature Trust Malta. Barra minn hekk, se jiġu organizzati żewġ żjarat gwidati fil-mużew, fis-19:30 u fit-20:30, mingħajr ħlas.

Dawk li se jattendu huma mħeġġa jilbsu l-kostum favorit tagħhom ta’ Halloween biex ikomplu jżidu mal-atmosfera speċjali tal-lejl. Id-dħul għal din l-attività huwa kompletament b’xejn, u għalhekk din tista’ tkun opportunità ideali għal ħarġa differenti mal-familja, li tgħaqqad id-divertiment mat-tagħlim.

Għal aktar informazzjoni dwar l-attività, wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali tal-avveniment fuq Facebook.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI