Ilbieraħ is-Sibt, 21 ta’ Ġunju, f’ċerimonja li saret taħt il-patroċinju tal-President l-Eċċellenza Dr Myriam Spiteri Debono, ġew ippremjati uffiċjali pubbliċi li spikkaw f’ħidmiethom matul is-sena 2024.
Dan hekk kif għada t-23 ta’ Ġunju jiġi mfakkar il-Jum Internazzjonali għas-Servizzi Pubbliċi mill-Ġnus Magħquda.
Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li l-istampa kompluta tal-Amministrazzjoni Pubblika hija ikbar minn dik li jistgħu jaraw in-nies minn barra.
Huwa temm l-indirizz tiegħu billi appella lill-uffiċjali pubbliċi sabiex ikunu dejjem kburin b’xogħolhom għax mhumiex qed jagħmlu xogħol biss imma qed jagħmlu differenza fil-ħajja tal-poplu ta’ kuljum. Diffiċli timmaġina pajjiżna mingħajr il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku.
Ir-rikonoxximenti li ngħataw matul is-serata kienu dawn:
Il-Quality Award ingħata lil Servizzi Ewropej Malta (SEM) li kiseb l-aqwa riżultati f’termini ta’ kwalità tas-servizz mogħti. Min-naħa l-oħra, ir-Reġistru Pubbliku ta’ Identità, Ċentru Servizz Anzjani, National Literacy Agency u Victim Support Agency kisbu l-Quality Label.
Il-Best Practice in Good Governance Award ingħata lill-Malta Statistics Authority. Waqt audit li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ġie nnutat li din l-awtorità taħdem b’kontrolli interni u prattiċi sodi b’enfasi fuq il-kontabbiltà u t-trasparenza – prinċipji li jippromwovu governanza effettiva.
Il-Best Digital Solution ingħata lin-National Cybersecurity Steering Committee (NCSC) li jaqdi l-funzjoni ta’ awtorità nazzjonali ġenerali għas-sigurtà ċibernetika, u għandu ħafna rwoli fosthom li jservi ta’ punt ta’ referenza għal kulħadd, ilaqqa’ b’mod regolari partijiet interessati, jaġixxi bħala korp ta’ governanza għall-Istrateġija Nazzjonali tas-Sigurtà Ċibernetika, u jiżgura l-implimentazzjoni tagħha, billi jidentifika u jassisti entitajiet varji.
Il-Climate Impact Award ingħata lill-Biċċerija Pubblika fid-dawl tal-isforzi kollha li saru f’dan il-post għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-inizjattivi kollha li saru.
L-Inclusion Award ingħata lit-tim tal-Informatika tal-Malta Enterprise. Dan it-tim wettaq sforzi notevoli għall-ħolqien u ż-żamma ta’ ambjent ta’ xogħol inklussiv li jrawwem opportunitajiet indaqs għall-impjegati kollha.
Ir-Role Model Award ingħata lill-Kuntistabbli tal-Pulizija s-Sur Hertian Vassallo li jifforma parti mit-tim tal-community policing.
L-Inspiring Social Responsibility Award ingħata lill-Family Community School Link fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Il-Project of the Year ingħata lill-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) li fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.
It-Team Recognition Award ingħata lit-tim tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Turiżmu li kien wara l-organizzazzjoni tal-31 kunsill ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa li sar f’Malta.
Matul is-serata ngħata wkoll ir-rikonoxximent Outstanding Effort Award mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana lid-Direttorat tal-Cancer Pathways tal-Isptar Sir Anthony Mamo. Is-servizzi tal-kura tal-kanċer f’pajjiżna jkopru l-vjaġġ kollu tal-pazjent – mill-ewwel suspett ta’ kanċer, għad-dijanjosi, trattament, u riabilitazzjoni.