Fit-31 ta’ Lulju, jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali ta’ Rikonoxximent lil-Lifeguards, ġurnata ddedikata biex jingħata ġieħ lill-irġiel u n-nisa li jaħdmu bħala lifeguards u li kuljum jagħtu sehemhom biex jiżguraw is-sigurtà ta’ dawk li jmorru l-baħar.
Il-lifeguards mhux biss jintervjenu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew salvataġġ, iżda wkoll jagħtu gwida u edukazzjoni lill-pubbliku dwar il-perikli tal-ilma u l-importanza ta’ mġiba responsabbli waqt l-għawm. Huma joffru serħan il-moħħ kemm lill-familji kif ukoll lill-għawwiema individwali, u ħafna drabi jkunu l-ewwel persuni li jirreaġixxu f’każ ta’ inċident.
F’Malta, fejn il-baħar huwa parti mill-kultura u l-istil ta’ ħajja tagħna, ix-xogħol tal-lifeguards huwa kruċjali. Il-ħidma tagħhom matul is-sajf, speċjalment fi żmien ta’ ħafna turisti u sħana intensa, il-ħidma tagħhom hija waħda ta’ dedikazzjoni u attenzjoni bla waqfien.
F’dan il-jum speċjali, għandna napprezzaw l-impenn tagħhom u niftakru fil-valur li għandhom fil-komunità tagħna. Grazzi lil-lifeguards kollha, għas-servizz, il-kura u l-kuraġġ li juru kuljum.