Id-dar u l-ħwejjeġ ta’ ġo fiha żgur li huma investiment u din hi r-raġuni għala wieħed għandu jkollu assigurazzjoni fuq id-dar li tkopri anke l-kontenut ta’ ġo fiha. Min għandu xi tip ta’ assigurazzjoni, bħalissa qed jistaqsi imma jien x’tip ta’ assigurazzjoni għandi eżatt.
Aħna ħsibna f’seba’ punti li għandkom bżonn tkunu tafu meta tiġu biex tixtri assigurazzjoni fuq id-dar. Hemm żewġ tipi ta’ assigurazzjoni, waħda tal-bini innifsu u oħra tal-kontenut ta’ ġewwa.

L-Ewwel Punt
Filwaqt li ħafna sidien ta’ djar jikkunsidraw li jixtru ż-żewġ tipi ta’ assigurazzjoni, xi wħud jirrikjedu waħda biss. Għaliex? Eżempju, nies li jgħixu f’appartamenti mikrija ġeneralment ikollhom bżonn jixtru polza biex tkopri l-kontenut tagħhom biss. Dan għaliex sid il-kera jkun responsabbli biex jirranġa assigurazzjoni tal-bini biex ikopri l-blokka kollha.
Meta tkun qed tara biex tikri post, mur iċċekja fuq assigurazzjoni li tkopri l-oġġetti li se tieħu miegħek f’dan il-post. Avolja, il-post ser ikun mikri sid il-kera għandu jieħu ħsieb l-assigurazzjoni tal-binja. L-aħjar wieħed imur jara hux l-aħjar ikollu polza ta’ assigurazzjoni fuq l-oġġetti li ser jieħu miegħu.
It-Tieni Punt
Kull min ġie biex jixtri dar u ħa xi self mill-bank, jaf li għandu bżonn assigurazzjoni. Dik l-assigurazzjoni hi marbuta mal-bini imma ma jfissirx li kontenut ta’ ġewwa huwa awtomatikament kopert bil-polza li se tixtri. Dejjem iċċekja x’inhu inkluż f’dik il-polza.

It-Tielet Punt
Kif spjegajna aktar kmieni, żomm f’moħħok li hemm żewġ tipi ta’ assigurazzjoni. Waħda tkopri l-binja innifsiha filwaqt li oħra tkopri dak li hemm ġewwa l-binja, jiġifieri l-kontenut. Importanti li tkunu tafu id-differenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ assigurazzjoni.
Barra minn hekk hu importanti ħafna wkoll li tkun taf x’inhu kopert taħt kull assigurazzjoni. Fejn għandek xi dubju, importanti li tistaqsi.
Ir-Raba’ Punt
M’għandekx għalfejn tixtri l-assigurazzjoni tal-bini u tal-kontenut mill-istess kumpanija. Żomm f’moħħok li għandek tħares lejn il-prezzijiet ta’ kumpaniji differenti qabel tiddeċiedi. Dejjem agħżel l-aħjar polza ta’ assigurazzjoni għalik.

Il-Ħames Punt
Dejjem għandek taqra d-dokument tal-assigurazzjoni u nissuġġerixxu li tkunu tafu kif tiftħu claim u l-perjodu ta’ notifika biex tissottomettu l-formola. Qed infakkrukom b’dan għaliex il-polza tal-assigurazzjoni tad-dar tinkludi perjodu meta l-individwu jkollu bżonn jibgħat il-formola tal-claim.
Is-Sitt Punt
Ftakar li jkun għaqli li tinforma lil min qed ibigħlek l-assigurazzjoni jekk ikollok xi tibdiliet fil-materjal li jaqa’ taħt il-polza jew inkella tibdil fil-binja. Dan ovvjament jinkludi wkoll is-somom li jkunu assigurati fuqhom.

Is-Seba’ Punt
Kun ċert li l-materjal u l-bini tiegħek huma assigurati għall-prezz li verament huma u mhux inqas. Infakkrukom ukoll li importanti ħafna li tevitaw kwalunkwe sorpriża mhux mistennija meta tmorru biex tiftħu xi claim. Kif tagħmlu dan?
Faċli ħafna! Dejjem aġġornaw lill-assiguratur tiegħek f’kull tiġdid speċjalment meta jseħħu bidliet sostanzjali fil-kontenut tad-dar tiegħek! Speċjalment fejn jidħlu oġġetti uniċi ta’ valur. Ikun għaqli wkoll li toqgħod attent ukoll għall-valur ta’ ċertu affarijiet li aktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuqhom jonqsu fil-valur tagħhom.

Biex tagħti valur korrett, dejjem fittex għajnuna minn professjonisti bħal perit biex jivvalutaw mill-ġdid il-propjetà tiegħek jew persuna li tifhem biex tagħti valur fuq oġġetti li jiswew tant u tant flus bħal ġojjelli, pitturi jew antikitajiet.
Naħseb b’dawn il-ftit punti li għaddejnielek hawn, int tista’ tkun taf aktar x’għandek tagħmel meta tkun ħa tixtri assigurazzjoni. Jekk għandek waħda diġà, tkun taf x’għandek tagħmel meta tiġi biex iġġedded. Jekk m’intix ċert x’tip ta’ assigurazzjoni għandek, tajjeb li tagħmel kuntatt mal-assiguratur tiegħek.

Dan huwa artiklu ikkumissjunat mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA). Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jagħfas HAWN.