Il-kantant u personalità magħrufa Fadi, li ħafna jiftakruh mill-programm televiżiv Come Dine With Me Malta, ħabbar it-tnedija uffiċjali tal-kanzunetta l-ġdida tiegħu “Ah, xi ħlew!”, li issa tinsab disponibbli fuq YouTube u fuq il-pjattaformi kollha tal-mużika.
F’messaġġ emozzjonanti, Fadi qal li din hija ħolma li kien ilu jġorr fis-skiet għal żmien twil u li fl-aħħar saret realtà. Huwa kkwota lil Lady Gaga, “Jista’ jkun hemm mitt persuna f’kamra u disgħa u disgħin minnhom ma jemmnux fik, imma waħda biss biżżejjed, u din tista’ tbiddel ħajtek kollha.”
Fadi rringrazzja b’mod speċjali lil Censina Cachia, li skontu emmnet fih mill-bidu, żammitlu idejh u baqgħet tħeġġu jkompli anke f’mumenti meta kien qrib li jaqta’ qalbu.
Huwa ddeskriva l-esperjenza kreattiva ta’ Ah, xi ħlew! bħala waħda mimlija ferħ li diffiċli jitqiegħed fi kliem, u qal li l-ikbar sodisfazzjon huwa li l-kanzunetta tista’ twassal dawl u pożittività lil ħaddieħor.
Il-kanzunetta għandha atmosfera ferriħija u enerġetika, hu tistieden lill-pubbliku biex jagħfas play, jiżfen u jħalliha l-enerġija pożittiva tiddi, ċelebrazzjoni ta’ ħolm li jsir realtà u tal-qawwa li temmen fik innifsek.