L-aħwa tewmin Svea u Cheryl qasmu storja sabiħa ta’ ħbiberija u determinazzjoni hekk kif reġgħu temmew pass importanti fl-edukazzjoni tagħhom flimkien, din id-darba b’Masters fil-qasam ta’ Maltese Studies.
Fil-messaġġ li qasmu, huma spjegaw kif sa minn meta kienu żgħar dejjem kienu flimkien: fl-istess klassi, bl-istess suġġetti u saħansitra bl-istess marki.
Matul is-snin, it-tnejn kienu ta’ sostenn għal xulxin f’kull pass tal-ħajja. Jiftakru wkoll kif ommhom kienet tgħidilhom li għandhom lil xulxin, u li dik hija l-isbaħ ħaġa li jistgħu jkollhom.
“Niftakar lil oħti tiġi fuqi u tgħidli: “Hemm dan il-kors – Master’s in Maltese Studies. Titħajjar tagħmlu miegħi?” Ħtaftha fil-pront għax kien ilu jberren f’moħħi li nagħmel kors, kemm għas-sodisfazzjon personali tiegħi kif ukoll biex nitgħallem affarijiet ġodda.”
L-aħwa jkomplu, “Għadda ż-żmien, iżżewwiġna, kellna t-tfal u kulħadd qabad it-triq tiegħu. Biss hemm ċertu interessi komuni li baqgħu jgħaqqduna flimkien. Nista’ ngħid li għalkemm nixxiebhu għandna karattri u personalità differenti, li bihom nikkumplimentaw lil xulxin.”
Apparti aħwa jqisu lil xulxin bħala ħbieb li għandhom fiduċja kbira f’xulxin.