AIDAN Għadu Kemm Nieda L-Album Ġdid Tiegħu ‘Cowboys Don’t Cry’

AIDAN uffiċjalment nieda t-tieni studio album tiegħu, Cowboys Don’t Cry, mument li qed jitqies bħala pass importanti f’dik li diġà tidher li se tkun sena fenomenali fil-karriera tiegħu.

L-album, li jinkludi s-silta ‘Bella’ li biha se jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision 2026, jinsab disponibbli fuq il-pjattaformi ewlenin kollha bħal Spotify, YouTube u Apple Music.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, AIDAN ippreżenta s-silta Cowboys Don’t Cry, li wkoll iġġib l-isem tal-album, flimkien ma’ music video ġdid li ta lill-pubbliku l-ewwel togħma tad-direzzjoni artistika u l-ħoss ta’ dan il-proġett.



Dwar dan l-album, AIDAN stqarr li dan ix-xogħol juri naħa aktar matura u onesta tiegħu, kemm fuq livell mużikali kif ukoll personali, fejn fih l-emozzjonijiet kollha tiegħu wara sentejn ta’ ħidma intensiva flimkien mat-tim tiegħu.



Huwa ddeskriva dan l-album bħala kapitlu ġdid bħala artist u wera l-apprezzament tiegħu għas-sapport kbir li qed jirċievi minn dilettanti tal-mużika f’Malta, fl-Ewropa u fl-Awstralja, filwaqt li sostna li dan il-proġett huwa ħolma li saret realtà.

Dan kollu qed iseħħ fl-istess waqt li AIDAN jinsab għaddej b’ħidma kbira biex jipprepara għall-Eurovision f’Vjenna f’Mejju li ġej, b’Bella tkompli tikseb popolarità kbira madwar l-Ewropa u diġà qabżet il-miljun stream fuq Spotify.

Bħalissa, AIDAN jinsab fuq tour promozzjonali internazzjonali li s’issa ħadu l-Isvezja, il-Litwanja, il-Greċja, il-Bulgarija, l-Albanija u San Marino, b’Oslo tkun il-waqfa li jmiss fi tmiem il-ġimgħa.



Huwa ħabbar ukoll li se jkun l-ewwel artist tal-Eurovision li se jestendi t-tour tiegħu sa l-Awstralja biex ikompli jżid il-preżenza globali tiegħu, apparti li se jkun qed iwettaq prestazzjoni fil-London Eurovision.

L-album Cowboys Don’t Cry joffri 12-il silta ġdida, inklużi l-favoriti Bella u Taste, li ntgħażlu minn fost aktar minn 60 kanzunetta li AIDAN kiteb biex juri l-evoluzzjoni artistika tiegħu, u l-album huwa disponibbli issa fuq il-pjattaformi kollha.

Ritratti:

AIDAN

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI