Aktar Minn Sempliċiment Kilo Sale: Kif Buy The Kilo Għamel Festa F’Ċelebrazzjoni Ta’ Moda Sostenibbli U Komunità

Matul l-aħħar weekend tat-13 u l-14 ta’ Diċembru, il-KSU Common Room f’l-Università ta Malta, inbidlet f’ċentru vibranti ta’ sostenibbiltà, kreattività u komunità, hekk kif Buy The Kilo organizza l-akbar Kilo Sale li qatt ittella’ sal-lum. Din is-sitt edizzjoni ma kinitx biss bejgħ ta’ ħwejjeġ, iżda esperjenza sħiħa li ħadet il-forma ta’ Christmas market, u kompliet issaħħaħ ir-rabta bejn in-negozji lokali tat-thrifting u l-komunità.



Minbarra l-bejgħ ta’ ħwejjeġ bil-kilo, l-avveniment laqa’ diversi bejjiegħa tat-thrift lokali bħal Trendy Thrifting, Urban Thrift, Vintage Glitch u Dainty Vintage.



Preżenti kien hemm ukoll artisti indipendenti, fosthom Johann’s Creations u Maya Galea bil-Henna Tattoos tagħha, li żiedu dimensjoni artistika u kreattiva mal-esperjenza. Din l-għaqda bejn il-moda sostenibbli u l-arti lokali kompliet tagħmel it-thrifting aktar aċċessibbli, pjaċevoli u inklussiv għal kulħadd.

Il-kunċett tal-Kilo Sale huwa sempliċi iżda b’saħħtu: il-klijenti jixtru l-ħwejjeġ skont il-piż u mhux skont il-marka fuq it-tikketta. Dan l-approċċ jagħmel it-thrifting aktar affordabbli u jħeġġeġ lin-nies jiffukaw fuq l-użu u l-kwalità tal-ilbies, aktar milli fuq ismijiet kummerċjali. Dan kollu ma jkunx possibbli mingħajr id-donazzjonijiet ġenerużi tal-komunità, li huma l-qalba tal-mudell ta’ Buy The Kilo.

L-għan ta’ Buy The Kilo dejjem kien wieħed; li tinħoloq esperjenza kompletament differenti tat-thrifting lokalment meta tikkumparha ma’ esperjenzi diġa eżistenti lokalment. Esperjenza li tattira aktar nies, speċjalment iż-żgħażagħ, lejn esperjenza nadifa, mimlija adrenalina u enerġija zgħazugħa li qabel ma kinitx aċċessibbli f’Malta. Dawn l-esperjenzi mhumiex biss dwar is-sostenibbiltà, iżda wkoll dwar il-gost tat-thrifting, l-iffrankar tal-flus u x-xiri konxju, filwaqt li titneħħa l-istigma li t-thrifting huwa mod “maħmuġ” jew inqas validu ta’ kif wieħed jixtri l-ħwejjeġ.



Matul dawn is-sitt edizzjonijiet ta’ Kilo Sales, ġew salvati aktar minn 15,000 kilo ta’ ħwejjeġ milli jispiċċaw fil-miżbla – riżultat konkret tal-impenn kollettiv favur ambjent aktar sostenibbli. Wieħed ma jistax ma jsemmix li lgħaqda tal-komunità marret lil hinn mit-thrifting, fejn il-fondi marru lejn għaqdiet volontarji importanti, fosthom l-Equal Partners Foundation, L-Istrina u Dar tal-Providenza, u b’hekk l-impatt pożittiv tal-inizjattiva kompla jinfirex lil hinn mill-avveniment innifsu.

Buy The Kilo, iffurmat minn Kelly Pisani u Alexia Borg, jixtieq jesprimi ringrazzjament sinċier lil kull min iddona ħwejjeġ, attenda u appoġġja dan l-avveniment. Dan is-suċċess ma kienx wieħed kummerċjali, iżda wieħed komunitarju – frott il-kollaborazzjoni, il-ġenerożità u l-għaqda tan-nies. Għal dawk li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar Buy The Kilo, kif jistgħu jiddonaw, jew meta se jittella’ l-Kilo Sale li jmiss, huma mistiedna jsegwu l-paġna uffiċjali fuq Instagram @buythekilo.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI