Dan l-aħħar 42 qarrej tal-provi kisbu ċ-ċertifikat universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti u l-warrant uffiċjali mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Fost il-qarrejja tal-provi l-ġodda hemm edukaturi, ġurnalisti, uffiċjali tal-komunikazzjoni, impjegati tal-kunsilli lokali, tradutturi tal-UE, u uffiċjali oħra mis-settur privat. Minn meta fetaħ fl-2006, dan il-kors universitarju b’kollox temmewh b’suċċess 772 persuna.

Dan il-kors online ta’ sena (MQF 5) hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti, fi ħdan il-Fakultà tal-Arti, bl-appoġġ tal-Kunsill tal-Malti. Il-lezzjonijiet jibdew fi Frar u jsiru darbtejn fil-ġimgħa filgħaxija. L-eżamijiet isiru fil-klassi. Jekk tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, tista’ tapplika għall-kors li jmiss sat-30 ta’ Jannar fis-14:00. Wieħed jista’ jżur dan is-sit: www.um.edu.mt/arts/malti/korsijiet/cqp.