Alla Jista’ Kollox – Il-Kowċ Daħak Bil-Qalb, Imma Peress Li Raha Daqshekk Entużjasta Aċċetta L-Proposta Tagħha B’Nofs Qalb!

Tifla minn familja kbira u sabiħa li jħaddnu fidi Kristjana, twieldet bi problemi kbar f’saħħitha tant li kienet magħtuba. Ommha kienet ta’ spiss tgħidilha: “Jekk temmen, Alla jista’ kollox. Int tkun tista’ tiġri u taqbeż bħal ħutek.”

It-tifla semgħet sew dak li kienet tgħidilha ommha u bdiet temmen li Alla veru seta’ jfejjaqha. Kienet tipprova timxi mingħajr krozzi bl-għajnuna ta’ ħutha u b’ħilitha kollha. F’għeluq it-tnax-il sena tagħha, it-tifla ssorprendiet lill-ġenituri tagħha u lit-tabib billi neħħiet il-krozzi u mxiet bla għajnuna ta’ xejn madwar il-klinika tat-tabib. Minn dakinhar ’il quddiem qatt aktar ma wżat il-krozzi.

Il-ħolma li kien imiss kienet li tibda tilgħab il-baskitbol. Il-kowċ ħallieha tilgħab bil-patt li oħtha, li kienet kapaċi ħafna fil-logħba, tingħaqad mat-tim ukoll. Darba waħda, it-tifla talbet lill-kowċ biex jibda jagħtiha 10 minuti ta’ trejning żejda kuljum, u hi kien biħsiebha tagħtih lura atleta mill-aqwa.





Il-kowċ daħak bil-qalb għal dan il-kliem, imma peress li raha daqshekk entużjasta aċċetta l-proposta tagħha b’nofs qalb. M’għaddiex wisq żmien li t-tifla ma saritx waħda mill-aqwa plejers tat-tim. Waqt logħba bejn timijiet differenti wieħed mir-referis innota l-abbiltà u d-determinazzjoni tagħha u ħajjarha tibda tipprattika l-ġiri.

Għalhekk, wara l-baskitbol bdiet tittrenja l-ġiri u wara ftit taż-żmien bdiet tirbaħ it-tlielaq. Ta’ 16-il sena kienet waħda mill-aqwa ġerrejja tal-pajjiż. Marret l-Awstralja għal-logħob tal-Olimpijadi u rebħet midalja tal-bronż. Erba’ snin wara, f’Ruma, rebħet 3 midalji tad-deheb fit-tlielaq tal-100 metru, 200 metru u 400 metru. Wilma Rudolph (1940-1994), rebħet l-unur tas-sena bħala l-aqwa atleta dilettanta fl-Amerka. Il-fidi u d-determinazzjoni tagħha taw il-frott. 

Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil tfal simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI