Ħames għaddasa ġew salvati f’ħidma konġunta bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’operazzjoni ta’ salvataġġ fl-ibħra lil hinn minn Wied iż-Żurrieq.
Il-ħidma tqieset bħala waħda diffiċli ferm kemm minħabba l-kurrent qawwi li kien hemm kif ukoll ir-riħ qawwi li qed jaħkem lill-gżejjer Maltin.
Kienet l-għaqda tas-Salib l-Aħmar li avżat lill-Forzi Armati li kien hemm ħames għaddasa f’diffikultà wara li nġarru ’l barra mill-kurrent u l-mewġ.
Il-Forzi Armati minnufih bagħtu ħelikopter u l-Melita 2 fl-inħawi filwaqt li l-Protezzjoni Ċivili bagħtet stakkament ta’ fire-engines bir-rhib.
Wieħed mill-għaddasa ġie salvat mill-ħelikopter tal-armata li niżżlu f’Wied iż-Żurrieq b’winch sabiex jittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza li waslet fuq il-post.
L-erba’ għaddasa l-oħra ttellgħu fuq rhib tal-Protezzjoni Ċivili u tniżżlu fuq l-art qawwijin u sħaħ f’Marsaxlokk.
