Appell Urġenti Għal Donazzjonijiet Ta’ Demm O Positive Hekk Kif L-Istokk Qed Jilħaq Livell Kritiku

Qed isir appell urġenti lill-pubbliku biex jagħti d-demm tat-tip O Positive, hekk kif l-istokk attwali laħaq livell kritiku. Dan l-appell qed isir b’mod partikolari hekk kif qed noqorbu lejn l-istaġun tal-festi, perjodu li fih id-domanda għat-trasfużjonijiet tad-demm tkompli tiżdied.

Pazjenti pedjatriċi kif ukoll dawk li qed jingħataw kura onkoloġika qed jittamaw li jirċievu r-rigal tal-ħajja permezz ta’ trasfużjonijiet tad-demm, li huma essenzjali biex ikomplu l-kura tagħhom u jżommu s-saħħa tagħhom stabbli. It-tip O Positive huwa wieħed mill-aktar tipi ta’ demm mitluba, u għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm provvista adegwata disponibbli f’kull ħin.

L-awtoritajiet qed iħeġġu lil dawk kollha li huma eliġibbli biex jagħtu d-demm illum stess u jagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Donazzjoni waħda biss tista’ ssalva sa tliet ħajjiet, u f’dan iż-żmien tal-Milied, dan il-ġest żgħira jista’ jfisser tama ġdida għal ħafna familji.

Dawk li jixtiequ jagħtu d-demm huma mfakkra biex iġibu magħhom il-karta tal-identità meta jmorru jagħmlu d-donazzjoni.

Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb mis-sit uffiċjali blood.gov.mt, kif ukoll mill-paġni uffiċjali fuq Facebook Blood Malta u Instagram blooddonationmalta_official.

Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew fuq il-freephone 80074313 biex jistaqsi dwar kwalunkwe diffikultà jew mistoqsija relatata mal-għoti tad-demm. Barra minn hekk, qed jiġi offrut trasport b’xejn għal dawk li jkollhom bżonn, billi jċemplu l-Freephone 80074313.

L-għoti tad-demm huwa att ta’ solidarjetà u ġenerożità li jista’ jagħmel differenza kbira. Dan il-Milied, agħti l-aktar rigal prezzjuż, ir-rigal tal-ħajja.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI