Illum huma l-Jum Dinji tal-Għalliema! Kemm f’dan il-jum kif ukoll matul is-sena kollha jeħtieġ li napprezzaw ix-xogħol tal-edukaturi kollha. Qatt tinsew, tasal fejn tasal fil-ħajja, dejjem kien hemm l-għalliema biex ituk l-għarfien li kellek bżonn.
Għalliema lokali, Nathalie Camilleri, ddeċidiet li tikteb poeżija ħelwa għall-okkażjoni, fejn issemmi l-professjoni tal-għalliema minn diversi angoli. Aqrawha u xerrduha ma’ sħabkom!
–
Snin ilu għażilt professjoni
ħriġt ngħallem b’devozzjoni;
lill-istudenti nħobb daqs uliedi
u magħhom naqla’ fwiedi.
Ngħallem is-sewwa magħruf
magħhom niskopri u nħuf,
nitgħallmu f’armonija u
t-tagħlim isir sinfonija.
Il-klassi l-Mekka tagħna
u l-bord għodda setgħana,
fiha tinbet il-ħbiberja
ssir… id-dar kennija.
Soċjetajiet dinjija
uru l-mogħdrija,
emmnu fl-għalliema
bla ebda ndiema.
Titfu qatt din in-niċċa
dik tkun l-agħar biċċa;
apprezzaw ħidmiethom,
għax din….swiethom.
L-għalliema huma x-xemgħa
L-għalliema jixxottaw d-demgħa
L-għalliema semmiegħa
L-għalliema r-rebbiegħa.
L-għalliema jaqilgħu biż-żewġ.
L-għalliema jissieltu mal-mewġ.
Il-moqdief iżommu f’idejhom u
jimpurtahom minn ta’ħdejhom.
Huma jemmnu fl-edukazzjoni,
huma jwettqu l-inklużjoni;
magħhom uru s-solidarjetà
kunu strument tal-pożittività.
Mexxejja… waqqfu dal-ġenn
Ftakru li aħna ħajt ta’ kenn
Aħna d-duwa tal-Madalena
Fina l-istudenti jsibu l-hena.
–
Prosit Nathalie!