Il-proġett I.COM, imtella’ minn Festivals Malta f’kollaborazzjoni mal-Erasmus + u l-Fond tal-Asil, l-Immigrazzjoni u Integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, huwa proġett li jservi bħala pjattaforma sabiex iż-żgħażagħ jesprimu lilhom infushom permezz tal-mużika. Dan il-proġett huwa proġett pilota mifrux fi 8 pajjiżi ġewwa l-Unjoni Ewropea, fosthom Malta għal żgħażagħ bejn it-12 u t’ 18-il sena.
Infatti, grupp ta’ żgħażagħ li ħadu sehem f’dan il-proġett, kellhom esperjenza mill-iktar unika wara li kellhom l-opportunità jikkomponu, jiktbu, kif ukoll jieħdu sehem f’vidjows mużikali tal-kanzunetti tagħhom. Punt interesanti immens huwa li qabel dan il-proġett, ħadd minn dawn iż-żgħażagħ ma kien jaf idoqq strument mużikali, u frott dan il-proġett, uħud minn dawn il-ġuvintur saħansitra qegħdin jitgħallmu l-vuċi jew xi strument.
L-NGO Prisms, bir-rapreżentanta tagħhom Margaret White, għenet sabiex tikkordina l-proġett u tipprovdi sapport lil dawn il-ġuvintur. Hija iddeskriviet dan il-proġett bħala “vjaġġ indimentikabbli li jipprovdi post sigur fejn żgħażagħ jaqsmu l-istejjer tagħhom, jiskopru t-talenti tagħhom u jħossuhom apprezzati”. L-aspett mużikali, fosthom gwida fil-qasam tal kompożizzjoni u l-lirika, kien magħmul bis-saħħa ta’ EMM u David Leguesse.
Il-kanzunetti jitrattaw temi reali li affaċċjaw dawn iż-żgħażagħ fosthom l-ansjetà soċjali, il-monotonija tal-ħajja kif ukoll l-imħabba. Verament huma diski li jgħoddu għal żminijietna u riflessjoni tat-talent ta’ dawn iż-żgħażagħ.
F’isem Gwida.mt nifirħu lil dawk kollha li huma parti minn dan il-proġett! Segwi l-prodott finali ta’ dan il-proġett permezz ta’ dawn it-tliet vidjows,
“Għajjejt”,
“I Love My Friends”
“L-Imħabba”.