Id-dar tal-pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta nediet ktieb ġdid li jagħti ħarsa komprensiva bla preċedent lejn il-Perjodu Kwaternarju ta’ Malta. Ir-riċerka tiffoka fuq Għar Dalam – is-sit li fih l-aktar sekwenza estensiva ta’ sedimenti minn dak il-perjodu fil-Gżejjer Maltin.
Bl-isem ‘Għar Dalam: A Window Into Malta’s Past Quaternary Faunas’, il-ktieb il-ġdid b’qoxra iebsa, miktub mill-ġeologu u paleontologu Michael Gatt, ifittex li jwieġeb il-mistoqsija li ilha tiġi diskussa dwar x’kien jgħix fil-Gżejjer Maltin qabel il-wasla tal-bniedem.

Il-pubblikazzjoni, li fiha bosta illustrazzjonijiet, tiggwida lill-qarrej permezz ta’ analiżi estensiva mill-ġdid tar-rekords tal-iskavi mis-seklu 19 sal-lum, li tkopri s-siti kollha fejn hu magħruf li hemm il-fossili madwar il-Gżejjer Maltin. Tinkludi wkoll qafas bijokronoloġiku ġdid għall-assemblaġġi tal-fawna Maltija, li wħud minnhom imorru lura għall-bidu tal-Pleistoċenu Nofsani – li jestendi l-istorja ta’ qabel il-bniedem f’Malta għal madwar 400,000 sena ilu.
Fil-qalba ta’ din ir-riċerka hemm Għar Dalam, l-aktar sit preistoriku ikoniku ta’ Malta. L-istratigrafija tiegħu, li x’aktarx tkopri mill-Pleistoċenu Nofsani tardiv sa żminijiet moderni, hija eżaminata b’mod metikoluż. Il-ktieb jippreżenta stratigrafija riveduta tas-sit, megħjuna minn evalwazzjoni mill-ġdid ta’ skavi fil-passat, flimkien ukoll ma’ teorija ġdida ta’ kif is-sedimenti setgħu sabu ruħhom fl-għar.

Il-pubblikazzjoni tqabbel ukoll il-fdalijiet tal-fawna minn Malta ma’ dawk minn Sqallija, u titfa’ dawl fuq l-iskambji tal-fawna tal-Pleistoċenu bejn iż-żewġ gżejjer filwaqt li tiżvela kemm xebh interessanti kif ukoll differenzi ċari.
‘Għar Dalam: A Window Into Malta’s Past Quaternary Faunas’ huwa żieda siewja fil-librerija ta’ kull min għandu għal qalbu l-Melitensja, l-istorja naturali, il-ġeoloġija u l-paleontoloġija ta’ Malta.

Għal aktar tagħrif dwar il-ktieb u l-opportunità li tixtrih online, tista’ żżur din il-paġna: https://heritagemalta.mt/store/ghar-dalam-a-window-into-maltas-past-quaternary-faunas/