"Ħassejt Li Tajt Kollox Għal Dan Il-Programm U Li Nkun Membru Tal-Ġurija Fissret Ħafna Għalija" – Alexandra Alden Dwar X Factor Malta

Aħna ta’ Gwida.mt tkellimna mal-kantanta u mużiċista Alexandra Alden, wiċċ familjari li kienet membru tal-ġurija waqt X Factor Malta għal żewġ staġuni konsekuttivi. Xtaqna nistaqsu lil Alex jekk kienx parti mill-pjan li ma tieħux sehem, jew jekk ma kinitx deċiżjoni tagħha. Alex qaltilna hekk!





“Bħal X Factor ta’ barra minn xtutna, il-ġurija ma jibqgħux hemm għal dejjem. Tagħmel sens li l-produzzjoni tara uċugħ ġodda. Ħassejt li tajt kollox għal dan il-programm u li nkun membru tal-ġurija fissret ħafna għalija, u nħoss li l-messaġġ f’xi mumenti ġieli kien meqjus bħala kontroversjali, u ġieli le. Kont dejjem onesta u dak hu l-importanti għalija.” 

Il-kantanta u mużiċista żżid li tinsab grata għal din l-esperjenza li kellha għal sentejn sħaħ, li ntaqgħet ma’ membri oħra tal-ġurija li kienu nies tal-ġenn, kif ukoll li tgħaddi dak li taf lill-parteċipanti li kellha quddiemha. Imma ħa nerġgħu narawha bħala ġurija?



“Qatt ma tista’ tgħid x’hemm lest għall-futur! Għalissa, ninsab ħerqana biex noħroġ l-album ġdid tiegħi, Leads to Love, f’Novembru, kif ukoll li nniedi l-kanzunetti ġodda tiegħi.”

Alex għandha wkoll pjanat Tour Ewropej flimkien mal-band tagħha għas-sena d-dieħla, bis-sostenn ta’ Arts Council Malta. Alex tgħidilna wkoll xi ħaġa dwar l-esperjenzi li kellha waqt X Factor Malta. “Bħal ħafna mill-kontestanti li ħadu sehem f’dan l-ispettaklu, u qalu li ‘Jien inkun tant kuntent/a meta nagħmel il-mużika’, nista’ ngħid l-istess għalija nnifsi.” Alex iżżid li bi ħsiebha tibqa’ tipproduċi l-mużika tagħha, tkanta mill-qalb, u tiskopri affarijiet ġodda li taf toffri din id-dinja, ” li tant għandha bżonn iżjed arti u ħolm x’jiġi mwettaq.” 

Aħna minn hawn nirringrazzjaw lil Alexandra talli aċċettat li taqsam magħna dawn il-ħsibijiet, u nixtiequlha aktar suċċessi kemm fil-mużika u kif ukoll f’ħajjitha inġenerali! Alex ser tkun qed tniedi kanzunetta fil-31 t’Awwissu 2021, flimkien ma’ vidjo mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Bruce Micallef Eynaud. F’isem it-tim ta’ Gwida.mt ngħidulha Prosit u Awguri! 

Instagram/ alexandraalden

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI