Ġurnata speċjali għall-familja kollha se ssir nhar il-Ħadd 19 ta’ April fi Ġnien Spencer, il-Marsa, hekk kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tiċċelebra għaxar snin mit-twaqqif tagħha b’avveniment miftuħ għall-pubbliku – Ġurnata fi Ġnien Spencer.
L-attività, li se ssir bejn l-10:00 u t-15:00, hija kompletament bla ħlas u se toffri esperjenza edukattiva u divertenti għal kulħadd, b’enfasi speċjali fuq il-familji u t-tfal. Dan l-avveniment qed jiġi organizzat biex jimmarka l-10 anniversarju tal-ERA, li twaqqfet fl-2016 bil-missjoni li tħares l-ambjent ta’ Malta u tiżgura kwalità ta’ ħajja sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Matul il-ġurnata, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jiltaqgħu mal-uffiċjali tal-ERA, filwaqt li jiskopru aktar dwar ix-xogħol importanti li jsir kuljum biex jiġi protett l-ambjent Malti. L-attività tkun ta’ interess ukoll għal min jixtieq jaħdem fil-qasam ambjentli. Il-programm huwa mimli attivitajiet varji li joffru kemm divertiment kif ukoll tagħlim, fosthom:
- Wirjiet interattivi li juru x-xogħol u l-inizjattivi tal-ERA
- Tours fl-Air Quality Lab u fl-Enforcement Control Room
- Divertiment għall-familja, inkluż il-karattru popolari Fonzu il-Fenek
- Żona dedikata għat-tfal b’face painting, crafts, sip and paint u aktar
- Ikel u attivitajiet oħra matul il-ġurnata kollha

Se jsiru wkoll dimostrazzjonijiet ta’ tagħmir u għodod użati mill-ERA, fosthom ir-RHIB, li jintuża f’operazzjonijiet relatati mal-ambjent marittimu.
Dan l-avveniment mhux biss opportunità ta’ divertiment, iżda wkoll mument importanti li biex jiġi mfakkar il-progress li għamlet l-ERA f’dawn l-aħħar għaxar snin. Minn meta twaqqfet, l-ERA saret pilastru ewlieni fir-regolamentazzjoni ambjentali f’Malta. Illum għandha rwol kruċjali fl-evalwazzjoni ta’ proġetti ta’ żvilupp, fil-ħruġ ta’ permessi, fil-monitoraġġ tal-kwalità ambjentali u fl-infurzar tal-liġijiet relatati mal-ambjent.
Matul is-snin, l-Awtorità espandiet ukoll il-ħidma tagħha fil-qasam tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ġestjoni ta’ żoni protetti, kif ukoll fl-użu ta’ sistemi u data aktar avvanzati biex tappoġġja deċiżjonijiet ibbażati fuq evidenza.
Ġurnata fi Ġnien Spencer hija opportunità unika biex tqatta’ ħin ta’ kwalità mal-familja, filwaqt li titgħallem aktar dwar kif kulħadd jista’ jagħti sehmu biex jipproteġi l-ambjent.L-atmosfera rilassata tal-ġnien, flimkien ma’ attivitajiet varji u edukattivi, tagħmilha perfetta għal ħarġa differenti fi tmiem il-ġimgħa.
Aktar dettalji u aġġornamenti tista’ ssibhom fuq il-paġna tal-avveniment fuq Facebook: https://fb.me/e/6vEomx1EG