Attività Tal-Għid Għall-Familja – Easter Egg Hunt F’Ta’ Qali U Ta’ Dbieġi

Jekk għadek qed tfittex xi attività sabiħa u differenti biex timla l-ġranet tal-vaganzi tal-Għid, għandna suġġeriment li żgur se jogħġbok – speċjalment jekk qed tippjana xi ħaġa għall-familja kollha. Il-Malta Crafts Foundation qed torganizza Easter Egg Hunt fil-Villaġġi tal-Artiġjani, attività li tgħaqqad divertiment, skoperta u appoġġ għat-talent lokali.



Din l-esperjenza se tkun qed issir bejn l-4 u l-11 ta’ April (bl-eċċezzjoni ta’ Ħadd il-Għid), fil-Ta’ Qali Crafts Village f’Malta u fil-Ta’ Dbieġi Crafts Village f’Għawdex. Matul dawn il-jiem, il-viżitaturi huma mistiedna jduru l-workshops tal-artiġjani u jfittxu Bajd tal-Għid li jkun moħbi fost il-prodotti uniċi tagħhom.



L-artiġjani parteċipanti huma faċli biex tagħrfhom, peress li jkollhom poster apposta fid-daħla tal-ħanut tagħhom. Ladarba ssib Bajda tal-Għid, kull ma trid tagħmel hu li tieħu ritratt tagħha u ttellgħu permezz tal-formola online – li tista’ ssib jew fuq is-sit uffiċjali tal-Malta Crafts Foundation jew billi tiskennja l-QR code fuq il-posters.



U mhux biss! Kull min jieħu sehem jidħol fiċ-ċans li jirbaħ wieħed minn żewġ vawċers ta’ €100, li jistgħu jintefqu għand l-artiġjani li qed jipparteċipaw – wieħed għall-parteċipanti f’Ta’ Qali u ieħor għal dawk f’Ta’ Dbieġi.

Din l-attività mhijiex biss logħba divertenti, iżda wkoll opportunità mill-isbaħ biex tiskopri u tapprezza x-xogħol tal-artiġjani Maltin – minn arti tradizzjonali sa disinji moderni u kreattivi. Fl-istess ħin, tkun qed tappoġġja negozji lokali u talent awtentiku.

Attività ideali għat-tfal, familji u anke gruppi ta’ ħbieb, li jixtiequ jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien waqt li jesploraw u jieħdu gost.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit uffiċjali tal-Malta Crafts Foundation fuq www.maltacrafts.org jew segwihom fuq Facebook u Instagram.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI