Awrat Frisk – Diversi Sajjieda Jintefgħu Jaqbdu L-Awrat Minn Marsakala Wara Li Ħarab Mill-Fish Farms Kawża Tal-Maltemp!

Il-kosta ta’ Marsaskala spiċċat b’dehra mhux tas-soltu nhar il-Ħamis, wara li l-maltempata Harry ħalliet warajha xena li ftit kienu qed jistennew: ħut imrobbi f’fish farms jaħrab fil-baħar u jispiċċa qrib ix-xatt.

Għadd kbir ta’ nies niżlu mal-ħajt tal-baħar biex jaqbdu l-awrat, b’uħud minnhom jirnexxielhom jiġbru kwantità kbira f’qasir żmien. Sajjed qal li f’siegħa biss mela barmil sħiħ ħut, filwaqt li ieħor spjega li kien qed jaqbdu biex “isalvah”, għax beża’ li ma kienx se jgħix fil-baħar miftuħ.



Il-Ministru Parlamentari responsabbli mis-sajd, Alicia Bugeja, ikkonfermat li fish farm qrib Marsaskala ġarrbet ħsarat kawża tal-maltemp, u dan wassal biex il-ħut jaħrab. Qalet ukoll li l-ħsarat ġo fish farms oħra madwar Malta għadhom qed jiġu vvalutati.



Fuq il-midja soċjali bdew iduru diversi filmati li juru ż-żona mimlija nies b’qasba tas-sajd f’idejhom, jiġbru l-ħut, l-aktar awrat, li normalment jitrabba fin-naħa t’isfel ta’ Malta.



Din mhix l-ewwel darba li ġara xi ħaġa simili. Fl-2019, wara maltempata oħra, l-awrat kienu spiċċaw ukoll fuq ix-xatt tax-Xemxija wara li sfaw bil-ħsara fish farms fil-qrib.

Madankollu, mhux kollox kien pożittiv. Il-maltempata Harry ħalliet ukoll ħsarat kbar lis-settur tas-sajd, b’filmati juru dgħajjes tradizzjonali tal-luzzu meqruda jew mgħarrqa. Il-maltemp laħaq il-qofol tiegħu bejn it-Tnejn filgħaxija u t-Tlieta, b’rjieħ li laħqu sa 56 knot (103 km/h), u kkawża ħsarat kbar tul il-kosta.

Ritratti:

Facebook / Cedric Borg

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI