Clintess Cilia – dan huwa l-isem legali li għażlet u li se nibdew insejħulha bih. ”Isem li jagħmilni mara kompluta” tgħidilna Clintess f’din l-intervista esklussiva li qed tati lil Gwida.mt.
Huma bosta dawk li jsegwu l-passi tal-personalita’ popolari lokali The Clintess, b’uħud minnhom nistgħu ngħidu li ma jaħarbilhom xejn. Tant hu hekk li fl-aħħar siegħat Gwida.mt rċeviet numru ta’ messaġġi dwar punt interessanti ferm li seħħ f’dawn l-aħħar jiem fuq il-profil ta’ The Clintess.
Jidher li din il-personalita’ lokali għażlet li tbiddel uffiċjalment isimha minn fuq kull paġna tal-profili soċjali tagħha u qed tintroduċi lilha nnifisha bħala Clintess Cilia.

Gwida.mt tkellmet esklussivament ma’ Clintess dwar dan it-tibdil fl-isem fuq il-profili tagħha u dan hu li kellha x’tgħidilna: ”Id-deċiżjoni li nbiddel ismi ilha f’moħħi u ma kinitx tagħmel sens li nibqa’ bl-isem ta’ Clinton Paul meta llum il-ġurnata n-nies jafuni bħala Clintess jew The Clintess”, tgħidilna waqt din l-intervista.
Nistaqsuha wkoll dwar il-kunjom, peress li din hi l-ewwel darba li qed narawha tużah. “Xtaqt nintroduċi wkoll kunjomi li ħafna nies ma jafuhx, Cilia. Clintess Cilia huwa l-isem li ħa nżomm legalment. Huwa isem li jagħmilni mara kompluta.”
Clintess għaddejja mit-transizzjoni tagħha. Ma jistax jonqos li bħala influencer popolari fuq il-mezzi soċjali hija ddeċidiet li tiffilmja l-proċess kollu tat-transizzjoni. Liema filmati nistgħu nsegwuhom waqt it-tieni staġun tar-reality show, ”The Real World of The Clintess”.

Nistaqsuha għal aktar dettalji u tgħidilna li ”dan kollu se jixxandar fuq il-mezzi soċjali aktar tard dis-sena u nkomplu għaddejjin b’aktar staġuni ‘l quddiem”. Clintess tistqarr li ”permezz tat-transizzjoni tiegħi rrid nagħti kuraġġ lil dawk il-persuni transgender li bħali jridu jgħixu ħajjithom kompluta”.
Gwida.mt tistaqsiha dwar il-ħolma tagħha u hi pront tweġibna, ”Jien persuna li nemmen fil-manifestazzjoni tal-ħolm. Il-ħolma tiegħi kienet dejjem li nkun mara, u hekk se nkun!”
Awguri Clintess Cilia.