Nikita ssemmi li meta kellha 13-il sena kkonsmat għall-ewwel darba f’ħajjitha d-droga u għal 15-il sena sħaħ baqgħet maħkuma mill-vizzju. Illum il-ġurnata tirikonoxxi li l-ikbar sfida li kellha ma kinitx li ma setgħetx tieqaf tieħu d-droga iżda li ma ridietx tieqaf.
“Ma kontx naf mod ieħor… sfortunatament is-sitwazzjoni li trabbejt fiha kienet pjuttost kaotika tant li d-dar ukoll kien hemm il-problema tal-vizzju,” tispjega Nikita f’intervista waqt Popolin.
Hi tistqarr ukoll li llum il-ġurnata tħares il-ħajja minn lenti differenti u ta’ kuljum tħossha grata. Tirikonoxxi wkoll li wieħed mill-isbaħ mumenti ta’ ħajjitha kien proprju meta saret ommu u tisħaq li dan għinha wkoll fuq livell personali.
“Żgur li ma rridx li binti tħares lejja bl-istess mod li jien kont inħares lejn il-ġenituri tiegħi… inkun kattiva kieku,” tisħaq Nikita.
Illum il-ġurnata li rnexxielha tegħleb il-vizzju tad-droga, Nikita ssostni li tħoss weġgħa kbira meta tara żgħażagħ maħkumin mill-vizzju tad-droga u tfisser kif kulħadd huwa fit-tmun ta’ ħajtu u għandu l-abbiltà li jfassalha hu kif jixtieq.
Prosit, Nikita!
Facebook / Popolin u Pexels