Jidher li l-ewwel artiklu li ħriġna fuq Undercover il-ġimgħa l-oħra ġabar ħafna nteress! Illum qed niżvelaw it-tieni parti tal-intervista. Din id-darba weġbitna Eileen Montesin. Il-moħħ wara l-istejjer kollha ta’ Becky u It’s Morris.
Lil Eileen staqsejnieha liema kienet l-aktar xena diffiċli li qatt għamlet għas-serje ta’ Becky!
“Ix-xena taċ-ċatra kienet l-isbaħ xena li qatt għamilt fil-karriera tiegħi. Il-qtiegħ il-qalb ma kienx biss fix-xena innifisha, imma kien reali waqt il-filming. Il-mewġ li kien għaddej minn taħt id-dagħjsa waqt il-filming fit-tank ta’ Rinella kien b’saħħtu ħafna u peress li Christine (Sera) kienet għadha żgħira u ma kien fiha xejn, kont beżgħana ħafna li l-mewġ setgħa jressaqha lejn il-fannijiet kbar u enormi mingħajr ma jien ikolli kontroll” tgħidilna Eileen Montesin.
Minkejja li kien hemm diversi ħaddiema jieħdu ħsieb li kollox imur sew, Eileen tibda tibża! “Ħaġa ovvja li bħala omm, dak il-ħin, ma kienx jinteressani biss li noħrog xena tajba minn din il-ġurnata li swietna ħafna flus flus biex stajna nagħmluha, imma wkoll li ma ndaħħal fl-ebda periklu lil binti stess”.
Ir-raġel ta’ Eileen kif spiċċa daħal fl-istorja ta’ Becky ukoll?
Eileen twieġeb hekk… “Morris kien challenge gdid. Peress li Mark Haber li jaħdem il-parti ta’ Morris huwa fil-fatt ir-raġel tiegħi fil-ħajja reali, hemm affarijiet tajbin u ħżiena f’sitwazzjoni bħal din. In-nies ħabbew dan il-karattru mill-ewwel. Beda b’dehriet żgħar fl-istejjer ta’ Becky imma n-nies riedu iktar u għalhekk għamilt spin off minn Becky u rnexxieli noħroġ żewġ sensiliet ta’ it’s Morris b’suċċess”.
Però b’xorti ħażina għal-ammiraturi ta’ Becky u Morris, Eileen iddeċidiet li twaqqaf ħesrem l-avventura ta’ dawn it-tnejn! “Becky u Morris daqshekk. It’s time to call it a day u nieqaf mid-drama li tant teħodli ħin. Naturalment xorta se nibqa’ fuq it-televiżżjoni u minn Ottubru kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa se nibda nkun mat-telespettaturi bil-programm Family Affair. Programm ta’ divertiment li fih ukoll se jipparteċipa Morris”.
Family Affair se jkun ukoll ippreżżentat ukoll mit-tifla ta’ Eileen, Christine Haber.