B’Għajnuna Professjonali Tista’ Tkisser Iċ-Ċiklu Tal-Vjolenza Domestika

Kull min xi darba jew oħra esperjenza l-vjolenza domestika jaf li biex toħroġ minn relazzjoni abbużiva mhi xejn faċli. Huwa propju għalhekk li l-kampanja ‘Għandna Ħolma: Futur Mingħajr Vjolenza’ qed tħeġġeġ mhux biss lill-vittmi tal-vjolenza sabiex ifittxu l-għajnuna iżda qed tagħmilha ċara li anke min iwettaq l-abbuż irid jindirizza l-problemi tiegħu permezz ta’ servizzi professjonali.

Li wieħed jintebaħ bl-abbuż, kemm jekk qed isofrieh u kemm jekk qed iwettqu, huwa l-iżjed punt kruċjali sabiex dak li jkun jibda jifhem l-impatti li tħalli l-vjolenza domestika fil-familja, inkluż fuq it-tfal. Is-servizzi professjonali jaħdmu mal-vittmi u uliedhom sabiex jassiguraw protezzjoni u sigurtà permezz ta’ gwida professjonali li tiżgura li l-vittmi joħorġu mill-abbuż b’mod għaqli u sikur. Għal min iwettaq il-vjolenza domestika, jeżisti wkoll is-servizz speċifiku, ‘STOP! The Violence & Abuse’ li huwa attrezzat apposta sabiex jgħin lill-aggressuri jgħarfu l-imġiba abbużiva tagħhom, jifhmu li l-abbuż mhuwa qatt aċċettabbli filwaqt li jiżviluppaw ħiliet essenzjali għal relazzjonijiet b’saħħithom.



Tul din il-kampanja, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi nedew bosta inizjattivi u miżuri bil-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika.



Waħda mill-isfidi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħha l-vittmi hija l-akkomodazzjoni. Mingħajr post fejn tmur, ikun diffiċli għall-persuna sabiex titlaq minn relazzjoni abbużiva. Għalhekk, ġiet imnedija miżura dedikata għal persuni għaddejjin mill-vjolenza domestika sabiex tgħinhom jiksbu lura l-indipendenza u s-sigurtà li jistħoqqilhom. Din il-miżura toffri għajnuna finanzjarja għal dawn l-individwi u biex tipproteġi nisa li jkunu ħarġu minn relazzjoni abbużiva u tiżgura li jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni sikura u stabbli.

Il-vjolenza domestika timmanifesta ruħha f’diversi forom. Xi wħud minn dawn ir-realtajiet jibqgħu iżjed mistura minn oħrajn però dan ma jfissirx li l-abbuż jista’ jkun wieħed aċċettabbli. L-abbuż ekonomiku jintuża wkoll sabiex iżomm lill-vittma milli tikseb lura d-dinjità u l-indipendenza tagħha u għalhekk, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika fi sħab mal-Bank of Valletta u d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ser ikunu qegħdin jaħdmu fil-komunità sabiex iwasslu iżjed għarfien finanzjarju u tagħrif dwar l-abbuż ekonomiku u l-abbuż li jseħħ permezz tat-teknoloġija.

F’dawn l-aħħar xhur rajna wkoll diversi filmati fejn l-abbuż seħħ f’postijiet pubbliċi u għalhekk, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika offriet taħriġ lill-uffiċjali tal-LESA sabiex jiksbu iżjed għarfien dwar kif jistgħu jkunu ta’ għajnuna f’dawn il-każijiet u jagħtu prijorità lis-sigurtà tal-vittma.

Sabiex tassew nindirizzaw il-vjolenza domestika huwa kruċjali li noffru sapport lill-vittmi u li nżommu lil min iwettaq l-abbuż responsabbli għal għemilu. B’għajnuna immedjata, sapport kontinwu, interventi f’waqthom u għarfien komunitarju nistgħu niksbu futur mingħajr vjolenza.

Jekk inti jew xi ħadd li taf qed tesperjenzaw il-vjolenza domestika żur dan is-sit sabiex ikollok aċċess għal iżjed informazzjoni dwar bosta servizzi li jgħinu kemm lil min hu vittma tal-vjolenza domestika u kemm lil min għandu imġiba abbużiva: Contact Directory – Stop Violence



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI