Permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tiegħu, Conrad Borg Manché kiteb dwar ġurnata li għandha sinifikat kbir għalih.
Hu spjega, “Bħal-lum, 33 sena ilu, kienet l-iktar ġurnata sewda ta’ ħajti, il-jum li fih ommi l-għażiża ħalliet din id-dinja. Minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, għadni niftakar dak il-jum b’ċarezza, kull dettall, kull mument, kull minuta. Kien jum li ħalla marka li qatt ma tħassret u li biddel il-kors ta’ ħajti għal dejjem. Dak in-nhar fhimt, forsi kmieni wisq, li t-triq tiegħi ma kienetx se tkun waħda faċli.”
Żied jgħid, “U forsi mhux b’kumbinazzjoni li dan il-jum baqa’ jimmarka mumenti kbar f’ħajti. F’dan l-istess jum, f’Marzu tal-2018, kont iffirmajt il-guardianship ta’ Manoel Island, u eżatt tliet snin ilu f’l-istess ġurnata gradwajt bħala avukat. Donnu dan il-jum, li beda bl-ikbar telfa ta’ ħajti, baqa’ wkoll iġorr fih il-piż tad-destin tiegħi — bejn it-tbatija u l-kisbiet, bejn il-ġrieħi u s-saħħa, bejn in-nuqqas tagħha u l-preżenza tagħha fija.”
Kompla jikteb, “Illum, aktar minn qatt qabel, naf li parti kbira minn min jien, id-determinazzjoni għal dak li ġġilidt għalih, u minn kif bqajt nimxi ’l quddiem minkejja kollox, ġejja minnha. U għalhekk, minkejja l-uġigħ li qatt ma jgħib għal kollox, isimha u t-tifkira tagħha jibqgħu għalija sors ta’ imħabba, ta’ direzzjoni, ta’ saħħa u determinazzjoni biex niġġieled l-inġustizzji.”
Facebook / Conrad Borg Manche