Dalgħodu fuq il-midja soċjali l-ġurnalist u preżentatur lokali Glen Falzon tkellem dwar l-importanza li dawk li qed jaffaċjaw sfidi ta’ saħħa mentali jfittxu l-għajnuna minnufih.
Glen stqarr li hu fil-passat kellu jaffronta diffikultajiet ta’ din ix-xorta u sostna li rnexxielu jsib il-wens biss meta fittex l-għajnuna. Spjega kif meta għamel dan sab lil min kien ta’ spalla għalih u b’hekk irnexxielu jegħleb l-isfidi tiegħu.
Irrakkonta kif matul dawn l-aħħar snin ipparteċipa wkoll f’kors li jeduka lill-parteċipanti sabiex ikunu kapaċi jagħtu l-ewwel għajnuna relatata mas-saħħa mentali. Tenna l-importanza li wieħed jipparteċipa f’dawn il-korsijiet għaliex b’hekk ikun f’qagħda aħjar li jintebaħ jekk xi ħadd minn ta’ madwaru jkun qed jaffaċja xi sfidi u jkun jista’ jagħtih l-aħjar għajnuna.
Il-ġurnalist u preżentatur lokali temm il-messaġġ emozzjonali tiegħu jfaħħar il-ħidma li twettaq il-Fondazzjoni Richmond. Isemmi kif din il-fondazzjoni tagħmel ħafna ġid fis-skiet hekk kif tgħin b’mod regolari għadd ta’ persuni li jkunu qed jissieltu sfidi ta’ saħħa mentali.
Facebook / Glen Falzon u Pexels