“’Biex insalvaw il-ħajja ta’ bintkom irridu naqtgħulha riġel.’ Dawk kienu l-kliem li biddlu ħajjitna għal dejjem” – Tkellmu dwar dan il-ġenituri ta’ Amy, tifla li kellha taffaċċja waħda mill-akbar sfidi ta’ ħajjitha wara li sabulha kanċer rari u aggressiv.
Il-ġenituri tagħha rrakkontaw l-esperjenza tagħhom ma’ Puttinu Cares, fejn spjegaw kif f’mument wieħed id-dinja tagħhom inqalbet ta’ taħt fuq.
Il-familja sabet ruħha f’nofs biża’ u inċertezza, saru żjarat fl-isptar u ttieħdu deċiżjonijiet diffiċli li l-ebda ġenitur ma jixtieq jiffaċċja.
Il-kliem tat-tobba kien ta’ uġigħ kbir, iżda minkejja kollox il-ġenituri ta’ Amy sabu s-saħħa biex jgħinu lil binthom tiġġieled l-akbar battalja ta’ ħajjitha.
Matul dan il-vjaġġ diffiċli, Puttinu Cares kienet maġenbhom f’kull pass. Il-fondazzjoni offritilhom mhux biss għajnuna prattika, iżda wkoll appoġġ emozzjonali fil-mumenti l-aktar diffiċli.
Dan kien partikolarment importanti meta l-familja kellha tivvjaġġa lejn ir-Renju Unit biex Amy tagħmel operazzjoni importanti f’Oxford University Hospitals.
Il-ġenituri tagħha spjegaw li l-għajnuna ta’ Puttinu tmur ħafna lil hinn minn sempliċi post fejn toqgħod. Skonthom, il-fondazzjoni tagħti kumdità meta qalbek tħoss li qed tinkiser u saħħa meta tħoss li ma fadlilekx aktar.
Għalhekk appellaw lill-pubbliku biex matul it-telethon tal-Ġimgħa l-Kbira jagħti donazzjoni, sabiex aktar tfal bħal Amy jingħataw iċ-ċans li jkomplu jiġġieldu, joħolmu u jgħixu t-tfulija li jixirqilhom.