Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar kif ‘il fuq minn 4,000 persuna ser jibbenefikaw minn investiment ta’ €1.5 miljun f’mediċini b’xejn tal-epilessija.
Ġie spjegat kif l-epilessija reżistenti għall-mediċini hija kundizzjoni fejn l-attakki epilettiċi jippersistu minkejja trattament adegwat b’terapiji mediċinali.
Din is-sitwazzjoni spiss twassal għal attakki frekwenti u imprevedibbli, b’impatt sinifikanti fuq il-funzjonament ta’ kuljum, fl-edukazzjoni, fl-impjieg u fil-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u tal-familji tagħhom.
Il-kundizzjoni hija assoċjata wkoll ma’ riskju akbar ta’ korrimenti, rikoveri fl-isptar u kumplikazzjonijiet fit-tul.
Dawn il-mediċini se jkunu disponibbli kemm f’forma ta’ pilloli kif ukoll ta’ misturi. Il-Ministru Abela qal kif b’dan l-investiment, il-Formularju tal-Gvern se jiżdied b’madwar 15-il mediċina ġdida għall-kura tal-epilessija.
L-aċċess għal dawn il-mediċini huwa mistenni li jtejjeb il-kontroll tal-attakki, inaqqas pressjoni fuq is-servizzi akuti, u jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja.
DOI / Pierre Sammut