Ottubru hu x-xahar dedikat għall-persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-ADHD. Tkellimna mal-personalità magħrufa sew fuq Facebook, Belle fejn qaltilna l-istorja ta’ tifel tagħha. Din kienet l-intervista…
Minn mindu kien jattendi l-kindergarten, Blake kien jidher tifel attiv ħafna. Jaqbeż, jimmolla u m’għandux kwiet. Ommu Belle kienet tgħid lill-għalliema li… “X’tipretendu jien meta kont żgħira kont imqarba u anke missieru”. Sakemm darba marru għand professjonist u mid-dijanjosi indunaw li Blake għandu l-kundizzjoni tal-ADHD. ADHD hija kundizzjoni li ġġiegħlek tbati biex toqgħod attent, ma tagħtix każ l-ordnijiet u tkun attiv il-ħin kollu. It-tfal bl-ADHD juru ħafna sintomi bħal; jitkellmu ħafna, ikunu qishom fl-ispazzju, jagħmlu żbalji banali u jieħdu riskji żejda, u jkollhom problema biex jaqsmu l-affarijiet. Tajjeb li ngħidu li mhux kulħadd ikollu l-istess sintomi u sinjali.
Fl-intervista Belle tgħid li darba saħansitra, t-tifel tagħha ġie diskriminat minħabba din il-kundizzjoni. “Kien qed jilgħab ma’ tifla oħra … u ġiet ommha u keċċietu minn ħdejha” tgħid Belle. Illum il-ġurnata Blake kiber u sar tifel matur ħafna, ommu tgħidilna li kienet ħerqan biex jibda skola għax iddejjaq id-dar.
Biss Belle indunat li hi wkoll tbati mill-istess kundizzjoni bħat-tifel tagħha. Tgħid li għamlet id-dijanjosi u sabet li hi wkoll għandha l-ADHD. Bis-saħħa ta’ stimulanti li ġew ordnati minn professjonisti, Belle tista’ tikkonċentra u tkun iżjed kalma.
Grazzi Belle talli qsamt l-istorja tiegħek magħna. Jekk taħseb li t-tifel jew tifla tiegħek qed jaġixxi b’mod stramb kellem lill-professjonisti ħalli jkunu jistgħu jgħinuk.
