Bil-Filmat: Gillian Attard B’Emozzjonijiet Onesti Kif Tisma’ L-Arranġament Mużikali Ġdid Ta’ Quddiem l-Inkwatru tal-Madonna

Gillian Attard qasmet mument profondament personali mas-segwaċi tagħha fuq il-midja soċjali, hekk kif ippubblikat filmat qasir tagħha tisma’ ftit sekondi mill-kanzunetta ikonika Quddiem l-Inkwatru tal-Madonna, kanzunetta li, skontha, f’dak il-mument ħasset b’qalbha kollha.

Fil-messaġġ li akkumpanja l-filmat, Gillian irrakkontat kif dalgħodu daħlet fl-istudjo aktar kmieni mis-soltu, waqt li kienet qed taħdem fuq proġett profondament personali ddedikat lil xi ħadd speċjali ħafna għaliha. F’dak il-kwiet, waslet l-ewwel verżjoni tal-arranġament, maħduma minn Cyprian Cassar, u kollox waqaf.

Gillian stqarret kif id-dmugħ niżel bla twissija, emozzjoni pura u mhux ikkontrollata. Il-kliem ta’ Carmen Dimech, daħal direttament f’qalbha. “Illum ħassejthom itqal, aktar profondi, kważi bħallikieku nkitbu apposta għal dan il-mument f’ħajti,” qalet.

Mhux inqas qawwi kien l-impatt tal-kompożizzjoni tal-mibki Carmelo Zammit, li skontha ġġorr piż sagru. Gillian enfasizzat li ma semgħetx biss il-kanzunetta, iżda ħasset kull nota u s-silenzju bejniethom.

“Hemm mumenti meta l-mużika tieqaf tkun xogħol u ssir talba,” kitbet. “Dan kien wieħed minn dawk il-mumenti. Tifkira ta’ għaliex noħolqu, għaliex nemmnu, u għaliex nagħtu qalbna kollha għal dak li nagħmlu.”

Fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, Gillian esprimiet l-eċitament tagħha biex taqsam dan ix-xogħol mal-pubbliku. Jidher ċar li dak li ġej mhux se jkun biss produzzjoni mużikali, imma esperjenza spiritwali u emozzjonali li tmiss il-qalb ta’ ħafna.







Ritratti:

Facebook / Gillian Attard

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI