Tbissem – il-kanzunetta li Ira Losco kkollaborat fiha flimkien mal-kantant lokali Matthew James Borg, erba’ snin ilu. Kanzunetta li tagħti tama u kuraġġ, u fuq kollox titkellem dwar it-tbissima li turi mħabba f’mumenti diffiċli b’mod speċjali.
Perfett – Il-kanzunetta emozzjonali u romantika ta’ Pamela li f’Marzu li għadda pparteċipat biha fil-ħames staġun ta’ Mużika Mużika. Pamela klassifikat fit-tieni post b’din il-kanzunetta, li interpretat u trasmettiet b’tant emozzjoni u passjoni.
Ilbieraħ waqt il-kunċert grandjuż ta’ Ira f’Għawdex, hi u Pamela kantaw dawn iż-żewġ kanzunetti flimkien. Dawn kienu żgur tnejn fost l-iktar mumenti speċjali fil-kunċert.
Pamela tikteb, “X’unur li propju din ir-reġina tal-mużika pop f’pajjiżna stednitni nkun parti mill-kunċert meraviljuż tagħha – u mhux biss! Li kantajna il-kanzunetta Perfett flimkien għalija kienet surreali – flimkien ma’ waħda mill-isbaħ kanzunetti tagħha bil-Malti Tbissem. Għadni rrid nintebaħ li ma kinitx ħolma. Grazzi għażiża Ira talli int dak kollu li int – mara b’saħħa kbira mhux biss vokali u mużikali u b’qalb enormi li jagħmluk l-artista kompluta b’kanzunetti meravilja.”
Prosit Ira u Pamela!