Aktar kmieni llum, l-Arċisqof Charles Scicluna emozzjona ruħu waqt quddiesa dalgħodu meta beda jitkellem dwar Carlo Acutis. Dan kien ġuvni ta’15-il sena li fl-2006 tilef ħajtu kawża tal-leukemia. Ilbieraħ, Carlo ġie beatifikat mill-Papa.
Fil-filmat, l-Arċisqof jinstema’ jispjega l-ħajja ta’ Carlo. “Kien bniedem normali – jħobb jilgħab il-futbol, imur fil-kampanja. Ħafna ritratti ta’ Carlo Acutis huma fuq il-muntanji jew f’xi vjaġġ.” Kien ukoll ġuvni intelliġenti li jħobb il-kompjuter.
Iżda meta qabditu l-marda kiefra tal-leukemia, “Hu offra t-tbatijiet tiegħu għall-Papa u għall-Knisja.” Kif qal dan il-kliem, l-Arċisqof darulu għajnejh bid-dmugħ u qal, “Nitolbu ħafna l-interċezzjoni ta’ Carlo Acutis għaż-żgħażagħ tagħna.”
Carlo huwa l-iżgħar persuna kontemporanja li ġie beatifikat. Illum il-ġurnata wieħed jista’ jżur il-qabar tiegħu f’Assisi.