L-iskola Primarja San Sebastjan Ħal Qormi għandha għalliem mill-aqwa s-Sur Jeremy! Sa minn meta sar għalliem, is-Sur Jeremy Mercieca dejjem ra kif għamel sabiex jagħti l-istudenti tiegħu l-aħjar edukazzjoni possibbli. Jemmen li l-iskola mhux biżżejjed għalhekk ra kif għamel u għaqqad l-edukazzjoni mal-kreattività.
Kien jorganizza reċti, mat-tfal għamel filmat b’messaġġ kontra l-bullying u saħansitra laqqa’ t-tfal mal-Prim Ministru Robert Abela eżatt kif laħaq! Il-Covid-19 ħassritlu xi ftit mill-pjanijiet iżda din lanqas ma qattatlu qalbu.
Fiż-żmien il-Covid, mill-ewwel ra kif għamel biex l-għada jibdew il-lezzjonijiet virtwali u kien ikollhom il-lezzjonijiet online sat-3 ta’ waranofsinhar. Kien hu li organizza sleep-over virtwali mal-istudenti. Fl-aħħar tas-sena skolastika dar kull student li kellu sabiex jagħtih rigal ċkejken. Għal dan l-apprezzament, l-istudenti ddeċidew li jagħmlu bijografija lil dan l-għalliem eżemplari.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici qalilna, “Jien inzertajt li lil dan l-għalliem nafu sew kemm mill-kamp kulturali (għaliex hu involut fil-kamp tal-Karnival) u kemm mill-ħidma li hu jagħmel fl-Imqabba, li hu raħal li jifforma parti mill-kostitwenza tiegħi. Naf kemm hu ddedikat f’kull ħaġa li jagħmel u kull ħaġa li jagħmel jagħmilha tajjeb ħafna”. Il-Ministru jsemmi wkoll esperjenza meta kien ħadem miegħu fil-karnival tas-sajf f’Birżebbuġa, u ra kif għamel biex minkejja l-isfidi li xi ħaġa ġdida ġġib maghha, joħroġ it-tajjeb.

“Fil-verità għalliem għandu żewġ funzjonijiet. Li jgħallem hija l-ewwel waħda. Però forsi iktar importanti minn hekk li jkun “champion” għat-tfal tagħna li jkun qiegħed hemm għat-tfal tagħna u jmexxihom ‘il quddiem u jgħinhom jikbru. Għalliema hekk jagħmluna kburin” jgħidilna l-ministru Bonnici.
Awguri Sur Jeremy għal aktar ħidma!