F’post li tella’ lbieraħ Ġorġ jikteb, “Bħal ħafna f’dal-pajjiż illum, għandi xokk ma jitwemminx fuqi. L-aħbar tal-mewt ta’ Karl Gouder qatgħetni minn ġewwa. Bniedem mimli ħajja, dejjem imbissem, ċajtier, ħabrieki … hekk kulħadd kien jafu, għalkemm qatt ma tista’ tidħol fir-ruħ tal-bniedem biex tgħarrex x’hemm hemm ġew.”
Hu jżid, “Kien bniedem tal-partit. Imma se nħalli f’idejn ħaddieħor biex jitkellem fuq dan. Iva, ħajtu kien iddedikaha lill-Partit Nazzjonalista, fejn kien imexxi l-media, u anke assista lis-Segretarju Ġenerali, ukoll fl-elezzjonijiet. Kien ukoll deputat għal ħafna snin … fil-bidu l-iżgħar wieħed tal-parlament. Imma lil Karl tal-partit ma kontx nafu.”
Ġorġ ikompli, “Kont nafu student għall-ewwel, anke hemm attiv. Bħalissa ma nistax niftakar f’liema proġett ħdimna flimkien dak iż-żmien, imma l-aktar li ħdimt miegħu meta kien jaħdem il-Gutenberg Press, u jien kont ta’ spiss inkun hemm b’xi katalgu, jew ktieb u, ovvjament, fiż-żmien li kont editur ta’ ‘Sagħtar’.”
Hu jkompli jirrakkonta, “Kien il-kuntatt tiegħi mal-istamperija fejn kont nagħmel ix-xogħol kollu ta’ stampar. Meta telaq immissjajtu, għalkemm kont xorta naħbat miegħu ta’ spiss minn dak iż-żmien ‘l hemm.”
Ġorġ jgħid, “Imma qatt aktar ma kellna l-ħin nitkellmu fit-tul. Jekk niltaqgħu ngħidu erba’ kelmiet u daqshekk … imma dejjem bi tbissima, dejjem b’dik il-manjiera tiġbdek tiegħu. L-aħħar li kellimtu fuq it-telefon, nitolbu jdaħħal intern miegħu waħda mill-istudenti tiegħi.”
Hu jtemm, “Issa ma nistax aktar niltaqa’ mat-tbissima tiegħu – mal-bniedem fabbli li ħalliena hekk ħabta u sabta ta’ 45 sena, għadu fl-aħjar tiegħu. Kemm seta’ ta aktar lil pajjiżna daż-żagħżugħ intelliġenti, kapaċi. Xi dnub, jaħasra. Ħtieġli npenġih ta’ malajr, kif niftakru. It-tbissima penġejt l-ewwel, u biha nixtieq insellem lil Karl, u noffri minn qalbi l-għomor lil niesu.”
Facebook / Karl Gouder