Il-programm popolari Brillanti Dance 2026 qed jidħol f’fażi dejjem aktar intensiva hekk kif illum, l-Erbgħa 25 ta’ Marzu fid-20:35 fuq ONE, jixxandar it-tieni semifinali tant mistennija.
Wara ġimgħat ta’ kompetizzjoni mimlija talent u emozzjoni, issa wasalna għall-mument kruċjali fejn in-numru tas-semi-finalisti se jitnaqqas għal 13. Dawn il-kontestanti qed jikkompetu mhux biss għall-unur, iżda wkoll għal premju sostanzjali ta’ €30,000 li se jgħinhom ikomplu jiżviluppaw il-karriera tagħhom fid-dinja taż-żfin.
Din il-ġimgħa ġġib magħha sfida ġdida u kreattiva bl-isem ta’ “Bring Me to Life”. F’din it-tema, is-semi-finalisti jridu jagħżlu silta u permezz taż-żfin jagħtu ħajja lil oġġetti inanimati, filwaqt li juru t-talent uniku tagħhom. Il-pubbliku jista’ jistenna prestazzjonijiet oriġinali u versatili fejn affarijiet bħal ġugarelli, pupi u anke l-Monalisa jieħdu l-ħajja fuq il-palk b’mod spettakolari.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-programm sellimna lil Cassiel Bonavia, tfajla miż-Żejtun li spikkat b’talent straordinarju u ħalliet impressjoni qawwija fuq il-ġurija u l-udjenza. Issa l-mistoqsija tibqa’: min se jkompli l-vjaġġ tiegħu fil-kompetizzjoni u min se jkollu jtemm l-avventura tiegħu f’Brillanti Dance 2026?
Bil-livell dejjem jogħla u l-kompetizzjoni dejjem tissaħħan, it-tieni semifinali mistennija tkun mimlija sorpriżi u forsi anke riżultati mhux mistennija.
Titilfuhx dan l-episodju eċċitanti nhar l-Erbgħa li ġej fid-20:35, dejjem fuq ONE.