Brillanti Dance Jirritorna B’Talent Internazzjonali U €30,000 Fi Premjijiet

Brillanti Dance jirritorna akbar u aktar spettakolari minn qatt qabel b’sensiela ġdida mimlija talent straordinarju u emozzjonijiet intensi! Din is-sena, il-kompetizzjoni se tkun tassew waħda mill-isbaħ hekk kif żgħażagħ minn ħdax-il pajjiż differenti se jħabbtu wiċċhom biex jirbħu total ta’ €30,000 b’sostenn għall-iżvilupp tat-talent tagħhom fiż-żfin. Bejn il-pajjiżi rappreżentati nsibu l-Italja, l-Ingilterra, Franza, l-Arġentina u bosta oħrajn – saħansitra mill-Awstralja!

Nhar l-Erbgħa li ġej jibda l-ewwel jum tal-awdizzjonijiet, fejn iż-żgħażagħ se jkollhom jimpressojnaw panel ta’ ġurija iżda professjonali, bravi u umani. Jerġa’ jingħaqad mal-ġurija Attila, il-koreografu Taljan magħruf fl-Italja u Franza għaż-żfin bit-takkuna, flimkien maċ-Champion Dinji tal-Hip Hop 2024, Emanuel Baitista. Magħhom se jkun hemm ukoll mill-Arġentina l-brava Sol Girgorri, filwaqt li ċ-Chairperson tal-ġurija mhux se tkun ħadd ħlief Brenda Lee Grech – Maltija li għamlet unur lil pajjiżna bil-bravura u t-talent eċċezzjonali tagħha.

Flimkien ma’ Joseph Chetcuti, ir-ruħ ta’ din is-sensiela tant maħbuba u mistennija, se jingħaqdu wkoll Chloe u Miguel minn wara l-kwinti. Bil-ħlewwa u l-karattru uniku tagħhom, huma se jżewqu s-sensiela b’doża sabiħa ta’ simpatija u emozzjoni. Chloe u Miguel kienu r-rebbieħa tal-aħħar sensiela ta’ BRILLANTI li ffukat fuq iż-żfin!

Iżda l-veri protagonisti tal-ewwel ġimgħa tal-awdizzjonijiet huma ż-żgħażagħ infushom! Kersten, Julia, Luka, Aaliyah, Ailey, Rykaard, Cassidy, Martina, Elaia, Jonay, Karyn, Sophia, Carla, Michelle u Bianca – min minnhom se jasal sal-kwarti tal-finali u min se jkollu jmur id-dar b’rasu baxxuta? Stennew emozzjonijiet kbar, talent inkredibbli u spettaklu bla paragun – insomma, xejn ħlief Brillanti!

Titilfux l-ewwel programm tal-ħames edizzjoni ta’ Brillanti – “Brillanti Dance 2026”, nhar l-Erbgħa fit-20:35, dejjem fuq ONE.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI