Brillanti Dance jidħol fit-tielet ġimgħa tiegħu hekk kif mijiet ta’ żgħażagħ Maltin, Għawdxin u minn barra minn xtutna jersqu ’l quddiem biex jippruvaw xortihom u jikkompetu għal total ta’ €30,000 b’appoġġ għall-avvanz tat-talent tagħhom fl-iżfin. U din il-ġimgħa, il-ġlieda se tkun aktar ħarxa minn qatt qabel, hekk kif it-talent taż-żgħażagħ tagħna qed ikompli jikber u jleqq b’mod impressjonanti.
X’ser ikun id-destin ta’ Sabina Akbasa u Chloe Martine Cooper? Se jirnexxielhom jgħaddu għall-fażi li jmiss? U x’se jiġri mid-duo speċjali ta’ omm u bint, bejn iċ-ċkejkna Adriana u ommha Alessandra? Sienna Bianco u Aaliyah se jirnexxielhom jimpressjonaw lill-ġurija din il-ġimgħa? U ma nistgħux ninsew ir-ritorn ta’ Ally Mifsud, din id-darba bħala solista – x’se jkun id-destin ta’ din it-tfajla b’talent kbir?
Il-grupp simpatiku ta’ Chelsea, Stephen u Ebony, flimkien mal-brava Mia Dimech, se jirnexxielhom imissu l-qlub – kemm umani kif ukoll professjonali – ta’ Brenda Lee, Attila, Emanuele u Sol biex jaqilgħu post fil-kwarti tal-finali?

U wkoll din il-ġimgħa, Brillanti Dance se jkompli jħaddan talent internazzjonali, b’żfin minn diversi pajjiżi oħra, fosthom Jumpei Kogawa mill-Ġappun u l-koppja fenomenali Lera u Diego mir-Russja u l-Arġentina. Imma x’ġara meta Sienna Osborne tat wirja kważi perfetta? Għaliex qam battibekk bejn Brenda Lee, Attila u din iż-żeffiena b’saħħitha u b’talent tant uniku?
Dan kollu u ħafna aktar nhar l-Erbgħa fit-20.35, fuq Brillanti Dance, flimkien ma’ Joseph Chetcuti u l-imqarbin Chloe u Miguel – dejjem fuq ONE!