BRILLANTI – L-Aħħar Ċans Ta’ Dawn Iż-Żeffiena Qabel Il-Kwarti tal-Finali!

L-Erbgħa 25 ta’ Frar 2026 fis-20:35 fuq ONE, Brillanti Dance jasal għas-sitt u l-aħħar ġimgħa tal-awdizzjonijiet, l-aħħar opportunità għaż-żgħażagħ Maltin, Għawdxin u anke talent minn barra minn Malta biex jaqtgħu pass importanti lejn il-kwarti tal-finali.

Il-postijiet li fadal huma limitati u l-emozzjoni tinsab fl-ogħla livell hekk kif il-parteċipanti qed jiġġieldu għal post fost it-30 kwart ta’ finalisti u għal ċans jirbħu l-premju totali ta’ €30,000, somma li tista’ tiftaħ bibien ġodda fil-karriera tagħhom taż-żfin.

F’din l-aħħar ġimgħa mistennija wirjiet mill-aqwa. Iż-żewġ gruppi Pearls u MDA Dancers se jkunu qed jippruvaw jimpressjonaw lill-ġurija b’koreografiji enerġetiċi u preċiżi. Il-ġurija, magħmula minn Brenda Lee, Attila, Emauele u Sol, mistennija terġa’ tagħmel valutazzjoni bir-reqqa hekk kif kull prestazzjoni tista’ tagħmel id-differenza bejn suċċess u eliminazzjoni.



Fost is-solisti, Ann Curmi u Kyona Maria Mifsud se jkunu qed joffru wirjiet mimlija sensittività u espressjoni artistika, filwaqt li Zvea Joe Zammit tittama li l-prestazzjoni tagħha twassalha għall-fażi li jmiss. Kayley Joe Vella, Andrea Gauci u Zoe Galea wkoll jinsabu preparati sabiex jagħtu l-aħjar tagħhom f’din il-lejla kruċjali, kollha determinati li jaraw il-ħolma tagħhom tkompli tikber fuq il-palk ta’ Brillanti.



Il-programm se jġib miegħu wkoll togħma internazzjonali. Minn Pariġi tasal Izzoki Maissa biex turi t-talent tagħha fuq il-palk prestiġjuż ta’ Dar il-Mediterran Ghall-Konferenzi. Magħha jaslu wkoll iż-żewġ Taljani Davide Telleri u Francesco Suriano, li se jippreżentaw wirjiet b’enerġija, teknika u preżenza qawwija fuq il-palk. Moment partikolarment spettakolari mistenni jkun dak ta’ Giada Bonopera, li se tisfida l-limiti tagħha b’prestazzjoni fl-ajru b’stil uniku u viżivament impressjonanti.

Din l-edizzjoni twiegħed tensjoni sal-aħħar sekonda hekk kif jintgħażlu l-aħħar ismijiet li se jikkwalifikaw għall-kwarti tal-finali. Għal min iħobb iż-żfin u t-talent lokali u internazzjonali, din hija lejla li ma għandhiex tintilef. Brillanti Dance jixxandar l-Erbgħa 25 ta’ Frar fis-20:35 fuq ONE.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI