Waqt konferenza stampa, Caritas Malta ippreżentat id-dettalji tar-raba’ edizzjoni ta’ Caritas Run for Life, attività li llum tifforma parti mill-kalendarju annwali tal-organizzazzjoni bħala inizjattiva ta’ prevenzjoni u promozzjoni tal-attività fiżika.

Ir-raba’ edizzjoni se ssir fl-1 ta’ Marzu 2026 u se tinkludi ġirja jew mixja li tibda miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ u terġa’ lura fl-istess post. L-attività se toffri diversi kategoriji, fosthom ġirja ta’ 10km, ġirja ta’ 5km, mixja ta’ 5km, kif ukoll ġirja ta’ 1km għat-tfal bejn is-6 u d-9 snin, u ġirja ta’ 2.5km għat-tfal bejn l-10 u t-12-il sena u bejn it-13 u l-15-il sena.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, irringrazzja lill-isponsors u lill-kollaboraturi kollha li qed jagħtu s-sapport tagħhom għal din l-edizzjoni, filwaqt li saħaq fuq il-ħidma loġistika u l-preparamenti kbar li tinvolvi attività ta’ din id-daqs. Huwa spjega li, minkejja li l-avveniment għandu element ta’ fundraising, l-għan ewlieni tiegħu jibqa’ dak li jippromwovi ħajja sana u attiva għal kulħadd, irrispettivament mill-età.

Is-Sur Gatt irrakkonta wkoll żewġ esperjenzi personali li juru l-impatt pożittiv ta’ Caritas Run for Life: persuna li qatt ma kienet involuta f’attività fiżika u li, wara li pparteċipat għall-ewwel darba, kompliet tiġri u tipparteċipa f’attivitajiet sportivi; u resident fi programm ta’ riabilitazzjoni li sab sodisfazzjon kbir fil-volontarjat waqt l-attività, esperjenza li ddeskriviha bħala “high naturali” li qatt ma kien esperjenza qabel. Huwa żied li n-numru ta’ parteċipanti qed ikompli jikber minn sena għal oħra, grazzi wkoll għas-sapport kontinwu ta’ diversi entitajiet u sponsors.
Il-Chairman ta’ SportMalta, is-Sur Mark Cutajar, faħħar il-ħidma ta’ Caritas Malta u qal li SportMalta tħoss li huwa dmirha li tkun parti minn din il-missjoni kull sena. Huwa sostna li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed jinbena nazzjon aktar b’saħħtu u inklussiv, filwaqt li l-attività fiżika qed titressaq eqreb lejn kulħadd – mit-tfal sal-anzjani. Is-Sur Cutajar ħeġġeġ lill-pubbliku biex jirreġistra u jieħu sehem f’din il-festa ta’ sport, komunità u solidarjetà.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ St Patrick’s Athletic Club, is-Sur Ray Spiteri, qal li l-klabb iħossu onorat li jerġa’ jikkollabora ma’ Caritas Malta. Huwa spjega li Caritas Run for Life llum tifforma parti mill-programm ta’ Athletics Malta u li l-avveniment jattira mijiet ta’ parteċipanti, kemm għal raġunijiet sportivi kif ukoll bħala espressjoni ta’ solidarjetà mal-ħidma soċjali ta’ Caritas. Huwa nnota wkoll li r-rotta hija waħda unika, f’ambjent rurali u mingħajr traffiku, u li hemm premjijiet u trofej għal diversi kategoriji, kif ukoll goodie bag u midalja kommemorattiva għal kull parteċipant.
Is-Sur Andrew Attard, Assistent Eżekuttiv tad-Direttur ta’ MY Convenience, MY Supermarket u The Sandra Calleja Foundation, qal li dawn l-entitajiet emmnu f’din l-inizjattiva sa mill-bidu nett. Huwa sostna li, f’soċjetà fejn id-droga hija dejjem aktar aċċessibbli, huwa importanti li jinvestu fin-nies permezz ta’ attivitajiet pożittivi u li jkomplu jappoġġjaw inizjattivi li jippromwovu stil ta’ ħajja sana.

Caritas Malta temmen li fis-soċjetà tagħna kulħadd – tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u anzjani – għandu bżonn opportunitajiet li jinkoraġġuh jgħix ħajja sana, ’il bogħod mis-sustanzi u minn dak kollu li jfixkel lill-bniedem milli jgħix bid-dinjità sħiħa tiegħu.
Wieħed jista’ japplika billi jidħol hawn: https://caritasmalta.org/product/caritas-run-for-life-2026/
