Ilbieraħ sar il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, festival li bħal dejjem tana diversi kanzunetti b’messaġġ qawwi u li jmiss il-qlub. Fil-fatt ilbieraħ kellna l-kanzunetta Nifs kantata minn Cherylis li rebħet il-festival. Kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u kompożizzjoni ta’ Philip Vella.
Fit-tieni post ġie l-kantant li m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni speċjalment f’dan il-festival, bil-kanzunetta Forsi Ismi Ssejjaħ, kliem ta’ Etienne Micallef u kompożizzjoni ta’ Eliana Gomez Blanco. Fit-tielet post insibu l-kanzuentta Bil-Petali Mneżża kantata minn Kylie Meilak, fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas. Martina Fenech bil-kanzunetta Xtaqt sejjaħtlek Pa bi kliem ta’ Etienne Micallef u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas, kienet ir-rebbieħa tat-televoting.
Ir-rebbieħa Cherylis ftit ilu qassmet il-messaġġ tagħha, ta’ ringrazzajament fuq il-midja soċjali l-aktar għal dawk in-nies li kienu hemm għaliha biex waslet s’hawn illum. L-awtur Emil ukoll kiteb l-unur u l-emozzjoni li qed iħoss b’din ir-rebħa, hekk kif il-kitba ta’ din il-kanzunetta ma kinitx faċli, iżda meta tlestiet, kemm hu kif ukoll Cherylis ħabbewha mill-ewwel.
Jispjega li “dawn il-kliem ħarbixthom wara żmien fejn il-kliem li bih nesprimi lili nnifsi ma stajtx insibu. Biex ħarġu dawn il-versi nistqarr li ma kinitx faċli xejn imma kif tlestew kont naf li kapaċi jmissu l-qlub.”
Wara r-rebħa, Cherylis stqarret li lanqas biss riedet temmen, “xħin għajtu ismi bħala r-rebbieħa lanqas biss indunajt għaliex kont għadni qiegħda nifraħ ma’ sħabi l-kantanti li klassifikaw fit-tieni u t-tielet post. Kien biss xħin ġibduli l-attenzjoni li ndunajt u nfexxejt f’bikja, bikja ta’ ferħ. Nixtieq minn qiegħ qalbi nirringrazzja lil kull min kien involut f’din il-kanzunetta tant għal qalbi.” Hija temmet il-messaġġ tagħha bil-frażi, “Nannu u Nanna, din għalikom.”
Il-vjaġġ ta’ Cherylis fix-xena tal-mużika lokali żgur mhux ħa jieqaf hawn għaliex ġa bdew iberrnu xi proġett jew tnejn f’moħħha. Intant, Nifs ġiet ippubblikata b’mod diġitali mill-kumpanija CAP-Sounds fi sħab ma’ Ironic PR & Artist Management u għaldaqstant tista’ tinxtara minn fuq siti diġitali iTunes jew Amazon kif ukoll tinstema’ permezz ta’ pjattaformi bħal Apple Music u Spotify.
Prosit lill-kantanti, awturi u kompożituri kollha ta’ dan il-festival mill-isbaħ li tellgħu! Prosit lir-rebbieħa Cherylis, Emil u Philip!