Ċiklist Malti Ser Jaqdef Bir-Rota Minn Trapani Sa Pozzallo Bit-Tir Li Jiġbor Fondi Għall-Ħlejjaq Innoċenti

Giovanni Zarb

Iċ-ċiklist lokali Giovanni Zarb tkellem ma’ Gwida.mt dwar missjoni li pjana li jagħmel matul is-sena li ġejja.

Missjoni fejn permezz ta’ avventura ġewwa Sqallija bit-tir li jiġbor il-fondi għal MSPCA – li tant jaħdmu biex jgħinu lill-ħlejjaq innoċenti.

Giovanni jitfa’ anke kontenut fuq il-midja soċjali relatat maċ-ċikliżmu, iżda mhux biss! Jitfa’ kontenut tiegħu stess jara kif jieħu ħsieb kreaturi innoċenti. HAWN Giovanni jidher jipprepara l-ilma nadif għall-qtates biex isibu x’jixorbu.



Iċ-ċikliżmu għal Giovanni



Iċ-ċikliżmu minn dejjem kien aktar minn sempliċi mezz ta’ trasport għalija; huwa passjoni u stil ta’ ħajja. Lil hinn mill-ivvjaġġar, ir-rota toffri sens uniku ta’ libertà, li tippermettili nesplora pajsaġġi ġodda, niltaqa’ ma’ nies differenti, u nħaddan kulturi varji. Iċ-ċikliżmu jgħaqqad individwi minn kull qasam tal-ħajja u jrawwem l-unità.

Giovanni bit-tir li jiġbor fondi għal MSPCA

Kull dawra tal-pedala se tirrifletti d-dedikazzjoni tiegħi, u jien lest għal kull sfida, għax l-imħabba tiegħi għall-ħlejjaq innoċenti hija profonda. L-impenn tiegħi għal din il-kawża jmur lil hinn minn sempliċi kliem. It-tir hu li nagħmel differenza tanġibbli.



Nittama li nispira lil oħrajn biex jingħaqdu miegħi, mhux biss billi nappoġġjaw ix-xelters permezz ta’ donazzjonijiet, iżda wkoll billi nkunu parti minn dan il-vjaġġ.

Flimkien, nistgħu nipprovdu lil dawn il-kreaturi innoċenti l-kura u l-imħabba li jistħoqqilhom.

Dan il-vjaġġ mhux biss dwar iċ-ċikliżmu, huwa dwar l-empatija, il-kompassjoni, u l-isforz kollettiv biex nagħmlu d-dinja (id-dinja tagħhom) post aktar sigur.

Giovanni kellimna anke dwar il-vjaġġ li għandu pjanat. Minn Malta għal Trapani se jmur bl-ajruplan fit-18 t’April 2026, u ser jarma r-rota u jibda jaqdef lvant tal-kosta. L-ewwel waqfa hija Sciacca bejn wieħed u ieħor 100km.

Fid-19 t’April 2026, se jaqdef minn Sciacca sa Licata għal 110km. Fl-20 t’April 2026 se jivjaġġa minn Licata għal Pozzallo, 110km. Imbagħad minn Pozzallo jinżel Malta.

Kemm hu sabiħ li nisimgħu b’tant persuni li permezz tal-passjoni tagħhom, jaħdmu biex jgħinu ħlejjaq innoċenti u komunitajiet li qed jiddedikaw ħajjithom għalihom.

Minn qalbna nifirħu lil Giovanni għal din l-inizjattiva ammirevoli li qed jaħdem fuqha, u nawgurawlu kull success.

Aktar dettalji dwar donazzjonijiet ser ikunu qed jingħataw dalwaqt.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI